Id-dokumentarju speċjali, ‘Tony Bezzina | il-Ġentlom ta’ Kulħadd’, li xxandar il-bieraħ fuq Net Television, waqt edizzjoni oħra sportiva tal-Ħadd filgħaxija, Replay kien segwit minn ħafna u b’udjenza televiżiva għolja għal programm televiżiv lokali tal-isport. Skont in-numri, partikolarment l-udjenza li kienet qed issegwi Replay tal-bieraħ f’xandira diretta permezz ta’ Facebook, il-programm kellu waħda mill-għola udjenzi reġistrati, mhux biss f’din l-iskeda, iżda ta’ dawn l-aħħar snin.
Dokumentarju li daħal f’dettall ġdid dwar ħajjet Bezzina fil-futbol
Replay tal-bieraħ kien iddedikat kollu kemm hu għall-memorja ta’ Tony Bezzina, il-President ta’ Hibernians li miet fl-etá ta’ 72 sena bħall-lum ġimgħa. Fl-istess programm, ixxandar dokumentarju investigativ u li daħħal f’dettall partikolari, fuq numru ta’ episodji li sawru l-Presidenza ta’ Bezzina ma’ dan il-klabb fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti tul l-aħħar 42 sena, u li matulhom hu dejjem kien President u sostenitur ewlieni tal-klabb.
F’wieħed mis-servizzi li xxandru f’Replay, dak ta’ George Cassar, Bezzina kien deskritt bħala l-kontra tal-pagun, li Hibernians għandhom fuq l-emblema tagħhom, fis-sens li hu qatt ma kien jiftaħar b’dak li kien jagħmel, u għalhekk ftit kienu l-mumenti li deher u tkellem fil-media. Kien għalhekk li ħafna mill-aspetti u l-kurżitajiet dwar Bezzina bħala persuna, iżda ukoll bħala President ta’ klabb tal-futbol, kienu mistura għall-maġġoranza u magħrufa biss għall-ftit. Fil-fatt dan id-dokumentarju ħareġ u wassal dawn l-aspetti kollha, tant li kienu ħafna li mingħalihom kienu jafu lil Bezzina f’ħajtu, iżda llum, wara dan id-dokumentarju, skoprew ħafna aktar dwar il-personalitá tiegħu.
Id-dokumentarju sportiv, ‘Tony Bezzina | il-Ġentlom ta’ Kulħadd’, li kien maqsum f’żewġ partijiet, kellu kliem ta’ tifħir minn ħafna fuq il-midja soċjali, mhux biss minn dawk li huma partitarji ta’ Hibernians u li allura għandhom ammirazzjoni kbira lejn Bezzina, iżda anke minn dawk li normalment ma jsegwux programmi televiżivi dwar il-futbol jew l-isport. Il-mod professjonali kif dan id-dokumentarju kien maħdum u ppreżentant lill-udjenza televiżiva, ħoloq interess u ta dettalji ġodda, b’ħafna minnhom qatt ma kienu magħrufa qabel, dwar il-personalitá ta’ wieħed mill-imprendituri ‘l kbar li kellu pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, u amministratur sportiv ta’ suċċess, fost l-aktar li qatt kellu f’Malta.
Għaxar personalitajiet jagħtu t-testimonjanzi tagħhom dwar Bezzina
Id-dokumentarju, li għandu kitba u produzzjoni ta’ Christian Micallef, tfassal fi ftit jiem u hu mibni fuq rakkonti b’saħħithom u interessanti, ta’ xejn inqas minn għaxar personalitajiet differenti, li b’xi mod jew ieħor missew ma’ ħajjet Bezzina fil-futbol. Fost l-għaxar personalitajiet li jitkelmu f’dan id-dokumentarju, hemm tliet eks Presidenti ta’ tliet klabbs avversarji ta’ Hibernians. Dawn huma Anthony Grech Sant, eks President ta’ Floriana, Robert Arrigo, eks President ta’ Sliema Wanderers, u Joe Caruana Curran, eks President ta’ Valletta.
Dawn it-tlieta jitkelmu dwar l-esperjenzi differenti li huma kellhom ma’ Bezzina, b’Arrigo u Caruana Curran saħansitra jidħlu f’dettall dwar iż-żmien meta kien hemm il-kontroversja sħiħa dwar il-famuż kuntratt tad-drittijiet televiżivi, li fl-2001 ingħata lil CWL mill-MFA, għall-famuża partita li Malta kienet lagħbet kontra Bayern Munich. Arrigo u Caruana Curran it-tnejn ikkumentaw dwar il-fatt, li qatt daqs dak in-nhar ma kienu raw lil Bezzina daqshekk irrabjat.
Id-dokumentarju ‘Tony Bezzina | il-Ġentlom ta’ Kulħadd’, jitkellem ukoll ma’ Fr Hilary Tagliaferro, li kien ħabib ta’ Bezzina, iżda għandu rabta diretta mal-klabb ta’ Hibernians, Jesmond Abela, li hu deskritt bħala wieħed mill-aktar persuni fdati minn Bezzina fit-tmexxija ta’ Hibernians, u xejn inqas minn ħames eks plejers tal-istess klabb, li lagħbu f’diversi eri tul il-Presidenza ta’ Bezzina ma’ Hibernians. Dawn huma Ġużi Xuereb, David Carabott, Silvio Vella, Andrew Cohen u Clayton Failla.
Il-kapitli varji ta’ dan id-dokumentarju
Id-dokumentarju kien maħdum b’mod li l-burdata tinbidel kemm il-darba, u dan sar b’intenzjoni, kif spjega Micallef. “Meta bdejt nippjana dan id-dokumentarju, ridt li din il-produzzjoni tkun differenti u unika għaliex tirrakonta dettalji li qatt qabel ma konna nafu dwar ħajjet Bezzina fil-futbol. Għaldaqstant dan id-dokumentarju hu mibni fuq diversi kapitali,” qal Micallef.
Il-kapitali differenti li fuqhom tfassal dan id-dokumentarju tant professjonali huma: Bezzina bħala persuna; il-bidu ta’ Bezzina fil-futbol u bħala President ta’ Hibernians; l-ewwel suċċessi ta’ Bezzina; il-mumenti diffiċli ta’ Bezzina fil-futbol; ir-relazzjoni ta’ Bezzina mal-plejers tiegħu; ir-relazzjoni ta’ Bezzina mal-Presidenti avversarji fosthom ir-relazzjoni speċjali li kellu ma’ Anthony Grech Sant, eks President ta’ Floriana; Bezzina bħala President tal-Premier League Standing Committee u l-battalja li kellu mal-President tal-MFA, flimkien ma’ Presidenti oħra, fir-rigward tal-kuntratt ta’ CWL; l-irġulija ta’ Bezzina fejn jidħol ħlasijiet tal-plejers u kif kien iħallashom; il-mumenti umoristiċi u ħelwin li juru l-umanitá u l-karattru sabiħ li kellu Bezzina.
Micallef, għan-nom tat-tim kollu ta’ Replay, filwaqt li reġa’ estenda l-kondoljanzi lill-familjari kollha ta’ Bezzina, saħaq li kien impressjonat bl-apprezzament li l-pubbliku sportiv għadu qed juri sal-lum għal din il-produzzjoni b’differenza. “Minn żmien għal żmien, Replay iwassal produzzjonijiet ta’ dokumentarji li jirrakontaw storjaw dwar il-futbol Malti, pero qatt daqs din id-darba ma kelna kliem ta’ apprezzament lejn xogħol ta’ dan it-tip. Jidher ċar li l-udjenza sportiva, iżda mhux biss, hija mmxenqa biex tara dawn it-tip ta’ produzzjonijiet sportivi b’laqta investigattiva u dokumentata. Jista’ jagħti l-każ li dan jaf ikun wieħed mill-proġetti televiżivi li jmiss, kemm tiegħi kif ukoll bħala Replay, fil-futur qarib,” temm jgħid Micallef.
Ara d-dokumentarju u t-tislima ta’ Replay lejn Bezzina
Sabiex tara dan id-dokumentarji, ‘Tony Bezzina | il-Ġentlom ta’ Kulħadd’, kif ukoll il-programm kollu b’servizzi oħra dwar Bezzina, u li xxandru l-bieraħ f’Replay, agħfas hawn.
//= $special ?>