Lokali Parlament

Il-pajjiż għandu kriżi kbira

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li dak li seħħ nhar is-sibt bl-arresti u l-akkużi ta’ diversi persuni inkluż ta’ Keith Schembri wera kemm dan il-pajjiż jinsab fi kriżi kbira.

Fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li dak li seħħ nhar is-sibt hu frott tal-ħidma tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u rringrazzjat lil Occupy Justice, Repubblika u Manuel Delia flimkien mal-ex Kap tal-PN Simon Busuttil.

Hi qalet li dan mhux it-tmiem tal-vjaġġ jew xi vittorja ta’ rebħ iżda hu pass żgħir fil-mixja iebsa għall-ġustizzja veru; jikxef il-ġerħa kbira li għadu l-pajjiż. Hi sostniet li bħalissa fil-pajjiż kollox hu irrilevanti għaliex fil-pajjiż hawn kriżi li trid tkun iffaċċjata.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-persuni arrestati ppjanaw bir-reqqa u li ħasbu li ma seta’ għalihom ħadd; nhar is-sibt ħadu tisbita mal-art u spiċċaw imbikkma. Hi sostniet li kien id-deputat Laburista Ian Castaldi Paris biss li wera ftit rimors għas-sitwazzjoni; il-pajjiż għandu kriżi kbira li ma tistax tkun trattta b’mod ħafif.

L-ekonomija Maltija mhix se tiflaħ għad-daqqiet li tieħu b’dak li joħroġ mill-qorti fil-akwżi tal-persuni arrestati u akkużati nhar is-sibt li għadda. Is-soċjetà Maltija hi mweġġa’ u l-poplu hu mifxul u xxukkjat, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li d-deputati Laburisti kienu vvutaw kontra żewġ mozzjonijiet parlmentari tal-PN li jikkundannaw il-korruzzjoni tal-gvern Laburista u juru sfiduċja f’Keith Schembri.

Claudette Buttigieg qalet li l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat tressaq il-qorti akkużat b’ħasil ta’ flus, frodi, firem foloz u assoċjazzjoni biex jitwettaq reat. Hi sostniet li l-pajjiż għandu xibka ta’ kriminalità li kienet minsuġa min-nies qrib il-politika, nies fin-negozju, nies fil-media u persuni mis-settur finanzjarju li ħatfu lill-PL flimkien ma’ istituzzjonijiet. Dan sar biex ma jinqabdux, sostniet Claudette Buttigieg, li fil-parlament kien hemm min għattielhom.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li Joseph Muscat u sħabu għamlu minn kollox biex ix-xibka ta’ kriminalità titgħatta u tkunx investigata. Hi appellat biex tkun irrestawrata r-reputazzjoni ta’ Malta