Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Il-PN huwa kommess li pajjiżna jikseb ir-reputazzjoni tajba li kellu” – Bernard Grech

Illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech attenda u indirizza summit iehor tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropej fejn f’diskussjoni dwar l-avvenimenti li seħħew f’pajjiżna fl-aħħar jiem, Bernard Grech insista fuq l-importanza li ttieħdu passi legali “għaliex dan huwa l-ewwel u l-uniku mezz prinċipali kif isem pajjiżna jkompli jittranġa fuq skala internazzjonali.”

Bernard Grech qal li l-PN huwa kommess li jibqa’ jissielet ħalli mhux biss issir ġustizzja, mhux biss titħares il-liġi imma biex pajjiżna jerġa’ jingħata r-reputazzjoni tajba li kellu lura bil-fatti.

F’kummenti lil Net News wara dan is-summit, Bernard Grech spjega li saret ukoll diskussjoni dwar il-vaċċinazzjoni; “Għaliex aħna nemnu bħala PN kif jemnu l-istati membri tal-UE illi l-vaċċin huwa wieħed mis-soluzzjonijiet importanti biex ngħelbu l-pandemija u allura tkellimt dwar l-importanza li nibqgħu maqgħudin bħala stati membri u ma ndurux stat kontra ieħor minħabba r-roll-out jew minħabba l-aċċess għall-vaċċinazzjoni.”

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll fuq l-importanza taċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni biex anke jagħti l-opportunità illi mhux biss it-turisti jkunu jistgħu jiġu f’pajjiżna imma biex anke l-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu joħorġu minn pajjiżna biex imorru fuq btala tax-xewqa tagħhom.

Bernard Grech temm jgħid li dan kien summit interessanti u importanti fejn kulħadd poġġa l-preokkupazzjonijiet tiegħu filwaqt li kulħadd qasam l-ideat tiegħu “għaliex flimkien, meta niskambjaw l-opinjonijiet, noħolqu l-ġid għall-pajjiżi rispettivi.”