Kmieni dalgħodu, il-Prim Ministru naqas milli jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Net News dwar l-isem illi issemma’ fil-Qorti minn Vince Muscat il-Koħħu. Dan hekk kif żeffen fin-nofs Ministru attwali tal-Gvern ta’ Robert Abela, li possibilment kien involut f’każ kriminali passat.
Waqt li kien dieħel il-Parlament, Abela qal biss il-kelma “bonġu” u ma wieġeb xejn minn dak li kien mistoqsi. Din issa saret tattika komuni li l-Prim Ministru jibqa’ jiżgiċċa mid-domandi diretti dwar temi li jkunu kurrenti.
Aktar tard, stennejnih ħiereġ mill-bini tal-Parlament. Anke hawn, minflok wieġeb għad-domnadi tagħhna, Robert Abela infexx f’attakk wara l-ieħor fuq il-Kap tal-PN kif ukoll numru ta’ Deputati tal-PN, biex spiċċa ma wieġeb għall-ebda domandi. Dan filwaqt li kellna l-konferma li hu għadu ma kellem lil ĦADD mill-Ministri tiegħu dwar dak li qed jgħid il-Koħħu.
Intant, anke fil-Parlament, membri tal-Gvern oġġezzjonaw li jwieġbu mistoqsijiet dwar min hu il-Ministru li issemma’ mill-Koħħu fil-Qorti.
Fil-fatt dalgħodu ddominaw xeni ta’ tensjoni minn naħa tal-bankijiet tal-Gvern, bil-whip Laburista Glenn Bedingfield iqum jgħolli leħnu biex jikkwota l-Istanding Orders.
Dan filwaqt li l-maġġor parti tal-membri tal-Kabinett li staqsejna dwar l-allegazzjonijiet tal-Koħħu, dehru skomdi ferm iwieġbu għad-domandi tagħna fejn kien hemm min ħarab mid-domanda filwaqt li oħrajn attakkaw membri parlamentari tal-PN.
//= $special ?>