Lokali Qorti

Immultati €800 kull wieħed fuq falsifikazzjoni ta’ test tal-COVID-19

Żewġ żgħażagħ Franċiżi, Aude Sophie Mirelle Defline u Charlotte Marie Massicard ġew immultati €800 kull wieħed wara li ffalsifikaw test tal-COVID-19 meta pprovaw jitilqu minn Malta lejn pajjiżhom.

It-tfajliet ta’ 20 sena, li dehru dispjaċuti għal dak kollu li għamlu ammettew l-akkużi u qalu lilMaġistrat Ian Farrugia li ddispjaċihom u talbu wkoll skuża.

L-Ispettur Silvio Magro li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li nhar il-Ħadd il-linja tal-ajru Turkish Airlines infurmat lill-awtoritajiet li t-tfajliet kellhom fil-pusses tagħhom ċertifikat falz tal-Covid-19.

Magro saħaq li l-akkużati għadhom studenti universitarji u li kkoperaw bis-sħiħ mal-pulizija. Ħareġ li xorta waħda irriżulta li huma negattivi għall-pandemija u li dak li għamlu, għamluh għalxejn.