Lokali Qorti

Keith Schembri jitlob għall-ħelsien mill-arrest

L-avukati tiegħu qed jgħidu li qed jinkissrulu d-drittijiet kostituzzjonali tiegħu.

L-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, wara li issa ilu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin inqas minn 48 siegħa, għamel talba għall-libertà proviżorja. Din it-talba li saret permezz tal-avukati tiegħu, se tittieħed deċiżjoni fuqha nhar il-Ġimgħa.

Minkejja li Schembri wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-Maġistrat Charmaine Galea m’aċċettatx l-ewwel talba għall-ħelsien mill-arrest li saret is-Sibt u kien għalhekk li Schembri inbagħat fil-ħabs ta’ Kordin. Ir-raġuni tal-Maġistrat ittieħdet abbażi ta’ biża’ li jbagħbas l-investigazzjonijiet li għaddejjin.

L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Keith Schembri, li wkoll kien kollega ta’ Robert Abela fil-Kabinett, kien fost 11-il persuna li tressqu l-Qorti s-Sibt fi preżentata li ħadet aktar minn 5 sigħat. Schembri kien l-iktar persuna b’akkużi kontriħ: ħasil ta’ flus, li assoċja ruħu ma’ persuni bil-għan li jwettqu reat, reati marbutin ma’ kontabbiltà, frodi, korruzzjoni, xhieda falza u falsifikazzjoni.

Issa l-avukati ta’ Keith Schembri qed jargumentaw li d-drittijiet kostituzzjonali tal-klijent tagħhom qed jinkisru.

Il-każ issa se jkun qed jgħaddi għand il-Maġistra Donatella Frendo Dimech u jekk jerġa’ jingħata l-libertà proviżorja nhar il-Ġimgħa, x’aktarx li l-każ imur għand il-qrati superjuri, proċess li jista’ jieħu diversi ġimgħat.

Keith Schembri mistenni jattendi għal seduta fil-Qort li se ssir nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu. Rapporti qed jindikaw li Keith Schmebri qed jinżamm f’ċella ma’ missieru Alfio f’Division 6 tal-ħabs.

Din is-sezzjoni tal-ħabs hija waħda mill-eqdem partijiet tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin u fil-passat, preċiżament qabel il-pandemija tal-COVID-19, kienet tintuża bħala iżolament għal priġunieri b’imġieba ħażina. Issa qed tintuża bħala sezzjoni ta’ kwarantina.