Lokali Parlament

Kien arrestat il-Gvern Laburista; ‘Il-Koħħu’ sar il-Prim Ministru tal-Prim Ministru

Arkivji

Edwin Vassallo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-parlament li l-Gvern qered l-ambjent politiku tal-pajjiż, nhar is-Sibt kien arrestat il-Gvern Laburista. In-nies li kienu arrestati nhar is-Sibt kienu jaħdmu f’Kastilja viċin il-Prim Ministru attwali Robert Abela.

Il-Gvern kollu appoġġjahom meta l-Oppożizzjoni ressqet mozzjonijiet ta’ sifduċja fl-istess nies akkużati. Il-PN ma jridx vendetta iżda ġustizzja mal-poplu, li hu l-vittma tar-reati. Il-ħaddiema jistgħu jitilfu xogħlhom għaliex minħabba fihom Malta tilfet ir-reputazzjoni internazzjonali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li qed iseħħ il-kuntrarju tal-governanza tajba, il-meritokrazija u t-tolleranza żero għall-korruzzjoni. Hu qal li llum Il-Koħħu hu l-Prim Ministru tal-Prim Ministru u kompla li l-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li kollox hu normali. Il-ministri għandhom ukoll akkuża li wieħed minnhom kien involut f’att ta’ kriminalità, sostna Edwin Vassallo, li qal li l-Prim Ministru mhux jiddeċiedi dwar dan.

Edwin Vassallo staqsa x’inhu jżomm lill-Prim Ministru milli jgħid li dak li qed jgħid Il-Koħħu mhux minnu. Dan il-Gvern spiċċa u kkrolla moralment; il-Gvern għandu jagħti d-dinjità lura lill-ħaddiema.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pajjiż issa għandu l-problema tan-nuqqas ta’ reputazzjoni bi ħsara kbira għall-investiment fil-pajjiż. Issa l-poplu għandu l-konferma li l-Gvern hu maħkum mill-kriminalità.  Il-Gvern għandu dmir morali li jerġa’ jġib in-normalità fil-pajjiż.

Edwin Vassallo appella biex il-Gvern iwettaq  pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, li hi kruċjali. Il-Prim Ministru hu obbligat jgħid min hu l-ministru li ‘Il-Koħħu’ qed jirreferi għalih; il-problema tal-pajjiż issa m’għadhiex il-pandemija għax il-pajjiż sar stat mafjuż. Il-bejgħ tal-passaporti seħħ taħt Gvern Laburista, sostna Edwin Vassallo, li kompla li l-Gvern għandu jagħmel pjan ta’ kontinġenza jekk l-ekonomija ma tirriġenerax fis-sajf.

Hu għamel diversi appelli biex il-Gvern jgħin lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-bdiewa. Il-korruzzjoni qed tiswa €720 miljun kull sena lill-pajjiż; kien isir ħafna b’ħafna b’dawn il-fondi kieku ma marrux fil-korruzzjoni.

Edwin Vassallo semma’ wkoll il-problemi li hemm fil-biċċerija u fost is-sajjieda u qal li l-Gvern qed jinjora lil dawn is-setturi. Is-sajjieda llum huma intimidati; il-pajjiż illum jinsab taħt il-madmad tal-Gvern.