Lokali Qorti

Konferma li l-Koħħu talab ‘Maħfra Presidenzjali’ oħra

Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma l-istorja ta’ Net News, li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu talab ‘Maħfra Presidenzjali oħra’.

Vince Muscat talab ‘Maħfra Presidenzjali’ oħra b’rabta ma’ każi differenti li seħħew fil-passat. Din il-talba waslet għand il-President ta’ Malta George Vella fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet. Din l-aħħar talba qed issir mill-Koħħu b’rabta ma’ tliet każi separati li seħħew f’pajjiżna fl-aħħar snin.

Vince Muscat qed jagħmel din it-talba biex ikun jista’ jagħti informazzjoni dwar dawn każi li s’issa għadhom mhux solvuti mill-pulizija, każi li ftit li xejn nafu dettalji dwarhom.

Wara li din it-talba waslet għand il-President, Net News għadu qed jistenna konferma jekk l-istess talba waslitx għand il-Pulizija għaliex il-Kummissarju għadu ma weġibx il-mistoqsijiet tagħna li ntbagħtu lilu s-Sibt li għadda.

Madanakollu, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li saret talba mill-Koħħu fejn issa din it-talba tkun diskussa fil-Kabinett qabel tittieħed deċiżjoni. L-istess Kabinett li fih hemm persuna li fuqha għamel allegazzjonijiet serji l-istess Koħħu, allegazzjonijiet li għalihom irid ‘Maħfra Presidenzjali’ biex jgħid għal liem Ministru qed jirreferi.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Koħħu wieġeb ħati tal-involviment tieghu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia; delitt li tiegħu weħel 15-il sena ħabs. Dan filwaqt li ngħatatlu ‘Maħfra Presidenzjali’ b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop – delitt li seħħ fl-2015 f’Birkirkara.

Sussegwentament, Vince Muscat beda jixhed fil-Qorti u tkellem ukoll dwar diversi każi fejn fost l-oħrajn semma’ lill-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona meta xehed fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat semma’ wkoll Ministru preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela b’rabta ma’ każ ieħor li seħħ numru ta’ snin ilu f’pajjiżna.