Lokali Parlament

L-affarijiet ma jsirux fl-interess taċ-ċittadin taħt gvern Laburista

Clyde Puli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-arresti ta’ nhar is-sibt li għadda jikkonfermaw kemm taħt gvern Laburista l-affarijiet ma jsirux fl-interess taċ-ċittadin iżda fl-interess ta’ min ried iħaxxen butu minn fuq il-poplu.

Fil-parlament Clyde Puli qal li l-arresti li saru huma marbuta mal-operat tal-gvern u sostna li dawn l-arresti saru għaliex l-ex Kap tal-PN Simon Busuttil ressaq il-każi quddiem il-maġistrat għal inkjesta u mhux għax l-istituzzjonijiet jaħdmu. Il-gvern ma kellu l-ebda interess li dawn il-każi jkunu investigati; l-impunità bdiet tieħu post is-saltna tad-dritt.

Hu qal li qed jidher li elementi mafjużi jinfiltraw l-istrutturi tal-poter u l-istituzzjonijiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-poter mhux intrebaħ iżda nħataf meta l-affarijiet kienu maħsuba u premeditati.

L-elezzjoni tal-2013 ma ntrebħitx minħabba l-programm elettorali tal-PL li kien ħareġ tant tard fil-kampanja elettorali jew minħabba l-proposti iżda kienet rebħa fuq il-vilifikazzjoni tal-Gvern immexxi mill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi u d-diversi ftehim sigrieti u maħmuġin li saru fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

X’kien qed ikun diskuss f’dan ir-raba’ sular? staqsa Clyde Puli, li kompla li kien hemm l-infiltrazzjoni ta’ nies li kienu fuq in-naħa Laburista u fil-media. Din l-infiltrazzjoni tħabbet ma’ diretturi maniġerjali ta’ istituzzjonijiet fil-media, sostna Clyde Puli, li staqsa x’kienu l-infuwenzi tal-flus li għaddew bejn Keith Schembri u Adrian Hillman.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm domandi serji dwar x’ġara bejn l-2008 u l-2013 u qal li l-istejjer fuq The Times huma xokkanti. Hemm bżonn diskussjoni serja dar dan għaliex il-fiduċja trid terġa’ tkun restawrata; il-fiduċja ilha titnawwar. Jeħtieġ li titneħħa d-dipendenza tal-partiti minn fuq in-negozji u titneħħa d-dipendenza tal-media indipendenti minn fuq ir-riklami jew il-programmi tal-gvern.

Il-governanza tajba għandha tkun implimentata f’sull settur, sostna Clyde Puli, li semma’ l-każ ta’ konsulent li ngħata €5,000 fx-xahar fil-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħti konsulenza f’diversi setturi fosthom fl-isport. Hu staqsa min huma l-konsulenti tal-ministeru tal-Edukazzjoni u sostna li f’Jannar l-isem ta’ dan il-konsulent ex player tal-football ma kienx jidher. X’kompetenza, kwalifiċi u esperjenza għandu dan il-konsulent?, staqsa Clye Puli, li kompla li l-kwalifiċi tal-konsulenti l-oħra mhux jissemmew ukoll.

Clyde Puli kkritika wkoll it-triq li qed issir f’Ħad Dingli u l-proġett tal-fly-over tal-by-pass ta’ Ħal Qormi u qal li dawn huma proġetti li ma jwasslu għal imkien; għalhekk il-poplu jistaqsi x’ikun l-iskop warajhom.