Sport

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting se tipparteċipa f’avveniment internazzjonali

Matul ix-xahar li ġej, bejn it-3 u l-11 ta’ April, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting se tkun qed tipparteċipa f’avveniment internazzjonali fir-Russja wara sena.

Il-Kampjonati Ewropej tal-Weightlifting matul is-sena li għaddiet kienu posposti għal bosta drabi minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 filwaqt li din is-sena se jsiru f’Moska. Il-kontinġent Malti li se jipparteċipa f’ dan l-avveniment li se jservi bħala kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi se jkun iffurmat mill-atleti Tenishia Thornton u Yasmin Zammit Stevens kif ukoll il-kowċ tat-tim nazzjonali Jesmond Caruana.

Din se tkun l-ewwel darba li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting se tkun qed tibgħat żewġ atleti femminili b’Thornton se tkun l-iżgħar atleta Maltija li qatt ipparteċipat fl-età ta’ 15-il sena. Il-Kampjonati Ewropej ta’ din is-sena se jkunu l-ewwel avveniment li se jsir mill-bidu tal-pandemija u se jkunu qed jiġu segwiti l-protokolli kollha sabix tkun assigurata s-saħħa tal-parteċipanti kollha.