Lokali Parlament

L-istituzzjonijiet mhux jaħdmu, kellu jkun il-PN li jsejjaħ għall-inkjesti

Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea sostna li l-akbar prova li l-istituzzjonijiet mhux jaħdmu hu propju l-fatt li kellu jkun il-PN li jsejjaħ għall-inkjesti dwar il-korruzzjoni; quddiem dawn il-każi l-istituzzjonijiet m’għamlu xejn.

Fil-parlament Mario Galea qal li nhar is-Sibt l-akbar tellief  kien il-pajjiż, kellna theżżiża kbira fis-sistema tal-pajjiż b’nies li minn Kastilja spiċċaw Kordin. Hu kompla li kellu raġun Anġlu Farrugia jħossu skomdu fil-PL b’dak li kien qed iseħħ fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista iżda Farrugia ma setax jitla’ hemm fuq għax ma kienx korrott. Joseph Muscat għażel li jżomm lill-korrotti u keċċa lil Anġlu Farrugia għax kien xkiel għalih u għax ma kienx se jaċċetta li Kastilja ssir bejta tal-korruzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Jospeh Muscat għamel terremot bl-ewwel vittma kienet Daphne Caruana Galizia li kienet qed tgħid il-verità. Vittmi oħra kienu l-governanza, il-klassi politika, is-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni ta’ Malta. Pajjiżna ma jixraqlux hekk. Il-Gvern ta’ Muscat ħasad l-impunità, sostna Mario Galea, li kompla li Joseph Muscat daħħal lil Malta fil-ħajt.

Mario Galea qal li mhux il-politiċi kollha korrotti iżda ma’ dawn qed jeħel kuħadd. Hu kompla li kien tħassar lill-akkużati li nhar is-Sibt marru l-ħabs għaliex kien hemm min daħħal il-perċezzjoni li għalihom ma seta’ ħadd. Possibbli Joseph Muscat ma kien induna b’xejn minn dak li kien qed iseħħ, irrimarka Mario Galea, li kompla li dawn kienu jemmnu li jistgħu jagħmlu li jridu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PL daħħal kultura ta’ impunità  u sostna li l-PN kien ilu jitkellem fuq il-korruzzjoni iżda d-deputati Laburisti baqgħu jappoġġaw lil min kien qed iwettaq il-korruzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PL għamel ħsara lil Malta mhux il-PN u għadda votta’ fiduċja lill-istess  persuni li llum huma akkużati. Il-PL ħalla l-brimba korrotta tkompli tikber. Hu semma’ diversi każi ta’ nuqqasijiet ta’ governanza tajba u korruzzjoni fosthom il-bejgħ tal-isptarijiet u qal li anki l-ex Avukat Ġenerali nstab ħati li kiser il-kostituzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-istituzzjonijiet  ma kienux qed jaħdmu għaliex suppost kellhom ikunu l-pulizija li jieħdu l-passi u mhux l-ex Kap tal-PN Simon Busuttil li għamel it-talba għall-inkjesti dwar din il-korruzzjoni. Kellu jkun ukoll l-ex Kap tal-PN Adrian Delia li jmur il-qorti biex jitlob li tinfetaħ inkjesta dwar l-isptarijiet, sostna Mario Galea, li kritika lill-ex Kummissarju tal-Pulizija għan-nuqqasijiet fl-investigazzzjonijiet tiegħu kontra l-korruzzjoni.