KAŻ TA’ QSIM IL-QALB FIL-QORTI
Pensjonata spiċċat f’diffikultajiet finanzjarji kbar minħabba li t-tifel tagħha ta’ 39 sena jeħdoliha l-pensjoni kollha biex jissodisfa l-kilba tiegħu għall-eroina.
Binha għandu problema kbira tad-droga u minhabba l-ammont ta’ flus li jkun irid għandha d-dejn ma’ hutha u t-tfal, u meta tispiċċala l-pensjoni tispiċċa fi problemi kbar fosthom lanqas ikollha x’tiekol. L-omm ħassitha mbezza’ mis-sitwazzjoni u dejjem ttittama li jfiq kompletament.
F’Settembru li għadda hija xehdet fil-Qorti dwar dak li kienet għaddejja minnu. Fortunatament meta reġgħet xehdet f’Diċembru qalet li binha kien sejjer aħjar, u li kienet lesta li terga’ taċċettah lura d-dar.
Binha ilu bi problema tal-eroina għal madwar 15-il sena u l-Psikjatra li jarah qal li għandu bżonn l-għajnuna m’għandux jinżamm il-ħabs peress li dak l-ambjent kapaċi jaffettwah b’mod negattiv u lanqas m’għandu jinżamm l-Isptar Monte Carmeli.
Nuqqas ta’ faċilitajiet f’Malta
Il-Psikjatra Anton Dimech qal li sfortunatament f’Malta ma jeżistux faċilitajiet jew alternattiva oħra għall-pazjenti bħalu. Spjega iżda, li, la darba ma hemmx alternattiva oħra, huwa tal-opinjoni li jekk jinstab ħati fi proċeduri li kien għaddej għandu jinżamm fl-isptar Monte Carmeli.
Din hija storja ta’ swied il-qalb li nstemgħet quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn il-vittma tad-droga nstab ħati li ġab ruħu b’mod li ta fastidju lil ommu. Fix-xhieda tagħha hija qalet li fis-17 ta’ Settembru xil-5.30am kien mar iqajjimha t-tifel sabiex iċempel lil ħuh biex jagħtih xi ħaġa tal-flus ghall-eroina.
Qalet li huh ma ridx jaħtih flus u wara beda jċempel liz-zijiet, iżda ħadd ma ried jagħtih u beda jirrabja. Ommu qalet ukoll li wara taparsi cemplet lit-tifel l-ieħor u li dan kien ha jġiblu l-flus, izda ftit wara marret tibgħat email lit-tifla tagħha biex tgħidilha x’kien gara u li ma tistax tibqa’ sejra hekk.
Ftit wara habbat il-bieb u gew il-Pulizija għalih. L-omm stqarret ukoll li nhar l-14 ta’ Settembru kien żammha minn idha u ma ħallijiex toħroġ biex tara jagħtuhx xi ikel il-ġirien għaliex kienu spiċċaw bla flus.
Kien se jiġġennen bla eroina
Hija qalet li beda jgħidilha li se jiġġennen mingħajr eroina u kkonvinċitu biex imur jara jagħtihx xi ħaga tal-flus il-kappillan, u x’ħin ħarġet kienet ċemplet lill-Pulizija u għamlet rapport l-Għassa u l-Appogg.
Il-Psikjatra Anton Dimech qal li ir-raġel ibati minn żewġ kundizzjonijiet ta’ natura serja, li huma l-użu ta’ sustanzi kif ukoll problemi ta’ saħħa mentali fosthom psikożi.
Bhala kura huwa anke jieħu l-injezzjonijiet. Jispjega li minħabba dawn il-kundizzjonijiet, isib problemi biex jikkonċentra, jiehu deċiżjonijiet, biex isolvi l-problemi u jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.
Il-Kuntistabbli Emerson Borg qal fil-Qorti li fl-14 ta’ Settembru, 2020 għall-ħabta tas-6:00 p.m. skorta lill-akkużat il-‘policlinic’ tal-Furjana sabiex jagħmillu riċetta għal pilloli iżda peress li t-tabib ma setax jagħmillu din ir-ricetta, ma setax jinżamm fil-kustodja tal-pulizija ħewwa l-‘lock up’.
L-omm tispiċċa maqfula f’darha
Għalhekk, Borg informa lill-Ispettur b’dan kollu fejn ingħata struzzjonijiet sabiex jiehu l-verżjoni tal-akkużat u sussegwentement huwa ġie rilaxxat.
Tliet ijiem wara, fis-17 ta’ Settembru, 2020, huwa rċieva telefonata mill-‘control room’ li ommu kienet inqaflet f’kamra fir-residenza tagħha wara li rrifjutat li tagħtih xi flus. Odelsey Bayliss, ‘Probation Officer’ spjegat li hija giet mitluba thejji ‘social inquiry report’.
Qalet li l-akkużat għandu problema akuta ta’ droga, liema problema qatt ma giet indirizzata serjament u meta ssuġġeriet li jibda programm, ma wera l-ebda interess.
Il-Qorti ma sabitx lir-raġel ħati li kkaġuna lil ommu, biza’ se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha. Lanqas ma nstab ħati li kien fil-pussess ta’ droga eroina u li żamm jew issekwestra lil ommu kontra l-volontà tagħha. Instab ħati biss li ta fastidju lil ommu.
Il-Maġistrat Farrugia Frendo poġġiet lill-akkużat fuq ordni ta’ probation’ għal perjodu ta’ tliet snin u poġġiedtu taħt ordni ta’ trattament, liema ordni hija għal perjodu ta’ 24 xahar sabiex jindirizza l-problemi tiegħu relatati mal-abbuż tas-sustanzi illeċiti kif ukoll tal-kundizzjonijiet mentali li jbati minnhom. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard u Stacy Attard.
//= $special ?>