Hermann Schiavone, PN
Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone qal fil-parlament li l-Prim Ministru attwali Robert Abela m’għamel xejn quddiem il-korruzzjoni meta kien konsulent f’Kastilja tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat u kien viċin Keith Schembri u n-Nexia BT.
Hermann Schiavone qal li Daphne Caruana Galizia inqatlet għax fil-pajjiż kien hawn kultura li fiha l-PL ġab lin-nies jobgħoduha. Hu qal li d-diskors tal-budget kien ikkunsidrat irrilevanti meta fl-1986 inqatel Raymond Caruana u meta nqatlet Daphne Caruana Galizia; darbtejn fi żmien gvern Laburista li ħoloq kultura ta’ impunità. Id-deputat Nazzjonalista qal li din hi t-tielet darba li fiha kull diskors fuq il-budget hu irrilevanti; għall-ewwel darba fil-pajjiż politiku daħal il-ħabs u qed ikun akkużat b’korruzzjoni. Għal darb’oħra l-PL jinsab fil-gvern fejn reġa’ ħoloq kultura ta’ impunità.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li r-reati ta’ korruzzjoni kienu ppjanati fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista meta l-PL kien fl-Oppożizzjoni. Hemm tħejjiet ir-road map li wara kienet imwettqa minn Kastilja. Hu kompla li immedjatament fetħu l-kontijiet fil-Panama, ikkreat il-Bank Pilatus biex jaħslu l-flus u seħħew skandli kbar. L-ewwel skandlu kien tal-Cafe Premier u warajh l-iskandlu ta’ Triq Zekka, tal-ispartijiet, tal-passaporti u tant oħrajn.
Hermann Schiavone qal li kien il-PN li talab l-inkjesti li wasslu biex kienu arrestati l-persuni li nhar is-sibt tresssqu l-qorti. Hu sellem lill-ex Kap tal-PN Simon Busuttil u skuża ruħu miegħu jekk xi darba naqas fil-konfront tiegħu għaliex kien ikollu dubji dwar ċertu dikjarazzjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li hu surreali li l-Prim Ministru jgħid li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu u sostna li Robert Abela kien konsulent tal-Prim Ministru bejn Keith Schembri u n-Nexia BT iżda m’għamel xejn biex iwaqqaf dak li seħħ. Robert Abela kien jitħallas l-eluf u għandu jitlob apoloġija għall-mod kif tkellem dwar il-mod kif tkellem fuq it-tfal tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Min ivvota lill-PL mhux ħati ta’dak li qed iseħħ għaliex dawn kienu nies ġenwini li emmnu li kien hemm bżonn bidla fil-pajjiż;dawn illum iħossuhom ittraduti. Illum hawn rabja fil-pajjiż għaliex jista’ jintilef ix-xogħol minħabba li Malta tilfet ir-reputazzjoni tal-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista appella liż-żgħażagħ biex jibqgħu jitkellmu favur il-ġustizzja u biex ir-reputazzjoni ta’ Malta terġa’ tkun restawrata u titnaddaf mill-ħmieġ lil-PL tefa’ lill-pajjiż fih. Hu appella lid-deputati Laburisi biex ma jħallux lil Robert Abela jkun kontinwazzjoni ta’ Joseph Muscat. Malta kollha qed isemmi lill-ministru li għalih qed jirreferi Il-Koħħu iżda l-Prim Ministru mhux jieħu l-passi, sostna Hermann Schiavone.
//= $special ?>