Internazzjonali

Stati Uniti: Impost curfew ta’ emerġenza f’Miami Beach fost il-kaos ta’ ‘Spring Break’

L-awtoritajiet fil-Belt ta’ Miami Beach iddikjaraw stat ta’ emerġenza minħabba t-tħassib dwar il-folol enormi taż-żgħażagħ li qed jinġabru f’din il-belt biex igawdu s-‘Spring Break’ tradizzjonali. Dan meta l-eluf kbar taż-żgħażagħ, fil-parti kbira studenti – qed jissugraw spinta ġdida fil-każi tal-coronavirus fil-pajjiż li għandu l-akbar numru ta’ infezzjonijiet (u imwiet relatati) fost l-Istati kollha tad-dinja.

Il-curfew – effettiv minn kmieni bil-lejl sa filgħodu – għandu jibqa’ validu sa mill-anqas it-12 ta’ April u jirrikjedi, fost oħrajn, restrizzjonijiet għat-traffiku u l-għeluq tan-negozji fiz-zona ferm attiva ta’ South Beach.

Is-Sindku ta’ Miami Beach, Dan Gelber, qal li eluf ta’ turisti ‘ġabu magħhom il-kaos u d-diżordni’ fl-inħawi, u meta fl-aħħar jiem komplew jaslu l-eluf tan-nies minn Stati oħra fost arja sinonima ma’ ‘Kunċert kbir tal-mużika Rock’.

Spring Break hu perjodu ta’ vaganza għall-iskejjel u l-universitajiet fl-Istati Uniti li s-soltu jsir f’Marzu jew April. Kull sena, bħal daż-żmien, jaslu l-eluf ta’ studenti fi Florida u destinazzjonijiet oħra madwar l-Istati Uniti fejn it-temp ikun sajfi.

L-uffiċjali f’Miami Beach ilhom l-aħħar jiem iwissu lit-turisti biex ‘igawdu l-btajjel b’mod responsabbli inkella jissugraw li jispiċċaw arrestati, bl-awtoritajiet jissieltu għall-ħarsien tar-regoli waqt l-eqqel tal-pandemija. Madankollu, iz-zona ta’ Miami Beach, fi tmiem il-ġimgħa, kienet mifqugħa biż-żgħażagħ qed jiddevertu u li ma dehrux lebsin il-maskri jew jirrispettaw id-distanzi soċjali.