Lokali Parlament

Teżisiti responsabbiltà kollettiva li trid tintrefa’

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara sostniet li quddiem il-każi ta’ korruzzjoni, il-gvern preżenti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ma jistax ineħħi r-responsabbiltà minn fuqu għaliex fil-verità teżisti responsabbiltà kollettiva li trid tintrefa’ mill-gvern Laburista.

Fil-parlament Maria Deguara qalet li fl-aħħar iż-żejt beda tielgħa f’wiċċ l-ilma u wera li Daphne Caruana Galizia kellha raġun kif kellu l-ex Kap tal-PN Simon Busuttil li talab żewġ inkjesti fl-2017 dwar il-bejgħ tal-passaporti u dwar it-tixħim bejn Keith Schembri u Adrian Hillman skont l-inkjesti li ġew konklużi.

Ħaġa ovvja wkoll hi li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna m’għamlux xogħlhom għax kieku ma kienx għal Simon Busuttil li beda l-inkjesta l-poplu Malti u Għawdxi ma kien ħa jkun jaf qatt dak li ħareġ fil-qorti nhar is-sibt li għadda.

Il-persuni li tressqu l-qorti għandhom common denominatur; kollha ħbieb tal-ex Segretarju Personali tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Din l-intimità donnha kienet garanzija li ħadd ma seta’ jieħu passi kriminali kontrihom u fil-fatt sa nhar is-sibt hekk kien il-każ. Jidher ċar ukoll li biex din il-firxa ta’ korruzzjoni setgħet tibqa’ tinfirex kellu ukoll jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kellhom jew jiġbdu l-istess ħabel jew inkella li kellhom jagħlqu għajnejhom għal dak li kien qed iseħħ u li kien ovvju għal kulħadd.

Biex dan kien possibbli persuni magħrufa għall-kulur politiku tagħhom aktar milli għall-kwalifiċi ġew impoġġijja fejn setgħu ixekklu il-kors tal-ġustizzja. Fosthom l-aktar evidenti l-fatt li rajna sensiela ta’ Kummissarji tal-pulizija li suppost għandhom id-dmir li jiddefenduna jinbidlu.

Hi qalet li dan il-qtil krudili poġġa lil-pajjiżna taħt l-ottika mondjali u kompla jnaqqas il-kredibilità tal-istituzzjonijiet li kien ovvju li ma kienux qed jiffunzjonaw kif suppost.

Tul dawn l-aħħar seba’ snin kien l-istess gvern li ftit li xejn għin biex tinkixef din ix-xibka. Dan għamel ħsara lill-pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżna bir-riżultat li poġġa f’riskju kbir lil eluf ta’ postijiet tax-xogħol li jiddependu fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għamlu ħsara u huma tradituri dawk kollha li ħallew dawn il-ħniżrijiet iseħħu għall-gwadan personali ta’ ftit nies u b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi.

Maria Deguara qalet li kull ewro li spiċċa fil-but ta’ persuni korrotti nsteraq minn ħalq dawk l-aktar fil-bżonn, minn ħalq il-persuni b’diżabilità, minn ħalq ir-romol, minn ħalq it-tfal bi bżonnijiet speċjali u minn ħalq dawk il-morda li jeħtieġu mediċini u jridu jirrikorru għand il-Community Chest Fund.

Il-gvern preżenti ma jistax jagħmel bħal Pilatu u jaħsel idejh minn dak li ġara għas-sempliċi raġuni li seħħet taħt tmexxija ta’ kap differenti. Teżisti responsabbiltà kollettiva u din għanda tintrefa’ b’irġulija, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Hi tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-COVID u sostniet li numru ta’ impjegati fosthom anke dawk li kellhom xogħol stabbilit sabu l-impjieġ tagħhom mhedded waqt li oħrajn spiċċaw mingħajr xogħol jew jaħdmu ġimgħa b’siegħat imnaqqsa. Dan wassal għal nuqqas ta’ sens ta’ stabilità, trawma psikoloġika kif ukoll wassal għal nuqqas ta’ flus fl-idejn u livell anqas ta’ kwalità ta’ ħajja għalihom u għall-familji tagħhom.

Dan wassal ukoll għal żieda kbira fin-nefqa tal-gvern meta kellu jissussidja numru ta’ familji u intrapriżi. Kull settur intlaqat però fost l-aktar kienu dak ta’ l-edukazzjoni u dak tas-saħħa. Minħabba il-COVID, kellu jinxtara kwantità ta’ apparat speċifiku bħal ventilators biex jintużaw fejn jeħtieġ. Kellhom jiġu ppreparati numru akbar ta’ sodod u jiġu konvertiti numru ta’ swali biex jilqgħu dawk il-pazjenti f’qagħda kritika.

Kellhom jinxtraw maskli u lbies protettiv u numru ta’ testijiet biex inkunu f’qagħda li nistgħu nagħmlu eluf ta’ testijiet kuljum biex insibu l-persuni li jkunu pożittivi għall-COVID. Kellhom jinxtraw kwantità kbira ta’ vaċċin biex jiġi żgurat li jkollna biżżejjed biex nipproteġu l-poplu għax minn kmieni konna nafu bil-kumplikazzjonijiet tal-pandemija speċjalment fuq persuni vulnerabbli. Dan kollu wassal għal spiża kbira li la qatt konna nistennewha u lanqas ma anteċipajna li se niffaċċjaw.

Minkejja dawn il-preparamenti s-sitwazzjoni illum mhix waħda feliċi. L-isptar ewlieni li għandna jinsab iffullat b’numru kbir ta’ pazjenti morda bil-Covid barra oħrajn li qed jiġu kkurati għal firxa kbira ta’ kundizzjonijiet li jkunu magħna s-sena kollha.

Hi kompliet li qed niffaċċjaw din iż-żieda bl-istess numru ta’ speċjalisti, tobba, infermiera u sodod li kelna qabel ma waslet il-pandemija fostna. Għalhekk faċli tifhem l-ammont ta’ stress kemm fisiku kif ukoll psikoloġiku li dawn il-frontliners qed jiffaċċjaw. Din iż-żieda però bil-mod il-mod qed dejjem tressaqna lejn kollass totali tas-sistema tas-saħħa. In-numru ta’ pazjenti infettati dejjem qed jikber u sfortunatament dan qed iwassal għal aktar telf ta’ ħajjiet.

B’mod jew ieħor il-pandemija se tispiċċa għalkemm il-problemi eżistenti fis-settur tal-anzjani se jibqgħu magħna. L-uniku sptar ġenerali hu ffullat u minħabba nuqqas ta’ serjetà u deċiżjonijiet ħżiena m’hemmx biżżejjed sodod biex ilaħħqu mad-domanda. Dan hu riżultat ta’ irregolaritajiet li nstabu fil-kuntratti ta’ meta l-gvern biegħ l-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-barranin għal loqma.

Suppost sal-lum kellu jkollna l-isptar San Luqa u dak f’Għawdex, modernizzati u mgħammra b’apparat tal-aqwa teknoloġija moderna, tant li kellhom jattiraw barranin biex jiġu jieħdu l-kura f’pajjiżna. L-istess l-isptar Karen Grech kellu jiġi modernizzat biex jagħti servizz ta’ rijabilitazzjoni lill-pazjenti wara intervent.

Għalkemm il-poplu Malti u Għawdxi ħareġ u għadu joħroġ miljuni ta’ ewro kull ġurnata l-ewwel lil Vitals u issa lil Stewards sal-lum għadu kważi ma sar xejn f’dawn l-isptarijiet. L-istituzzjonijiet f’pajjiżna m’humiex jiffunzjonaw kif suppost għaliex għalkemm instabu ħafna irregolaritajiet u hemm dubju serju ta’ korruzzjoni xorta waħda għadu ma sar xejn u lanqas ma ipprovaw jagħmlu xi ħaġa.

Dan kollu jorbot ma dak li seħħ jumejn ilu fejn numru ta’ persuni, uħud minnhom suspettati b’korruzzjoni għax barra akkużi oħra kienu membri fuq il-bord tal-aġġudikazzjoni tal-kuntratt tal-isptarijiet, tressqu l-qorti akkużati b’numru ta’ reati serji oħra li jinvolvu ammonti kbar ta’ flus.

Maria Deguara qalet li sal-lum għadu ma sar l-ebda attentat serju min-naħa tal-gvern biex nieħdu l-isptarijiet lura u lanqas ma rajna soluzzjoni oħra minkejja li anke l-Ombudsman tefa’ dubji serji fuq il-validità u l-korrettezza tal-kuntratt innifsu. Il-poplu qed jinsteraq miljuni ta’ ewro ġurnata wara ġurnata għal sena wara l-oħra.

Qed ibati l-poplu għax il-flus li l-gvern qed iħallas lil Steward huma flus tal-poplu. Spiċċajna mingħajr sptarijiet, inħallsu miljuni ta’ ewro li tant għandna bżonnhom bħalissa meta l-ekonomija qegħda f’xifer is-sur u issa minħabba l-pandemija spiċċajna ukoll li m’għandniex sodod biżżejjed fejn jiġu rikoverati l-pazjenti.

Dan juri irresponsabilità kbira min-naħa tal-Gvern. Stħarriġ juru li l-korruzzjoni hi l-aktar materja li qed tinkwieta lill-Maltin iżda l-gvern ma għamel l-ebda sforz biex ixejjen dan it-twemmin. Il-korruzzjoni minn dejjem kienet teżisti f’kull livell u f’kull pajjiż. Però f’dawn l-aħħar snin il-korruzzjoni kienet rampanti u min kellu l-kuraġġ jitkellem kontriha u jikxifha fosthom Daphne Caruana Galizia ħallset l-ogħla prezz meta ġiet maqtula biex jagħlqulha ħalqha, sostniet Maria Deguara.