Sport Sport Ieħor

Timijiet sportivi mħeġġa jwaqqfu għajnuna finanzjarja mingħand kumpaniji li jħammġu l-ambjent

Timijiet sportivi u kompetizzjonijiet sportivi huma mħeġġa biex iwaqqfu kull ftehim kummerċjali u għajnuna finanzjara mingħand kumpaniji li jħammġu l-ambjent jew li jagħmlu użu minn materjal li jħammeġ l-ambjent.

Rapport bl-isem “Sweat Not Oil” qal li dan għandu jsir sabiex tiġi ndirizzat il-problema tat-tibdil fil-klima. L-istess rapport indika li hemm aktar minn 250 ftehim kummerċjali madwar id-dinja bejn timijiet jew avvenimenti sportivi u industriji u kumpaniji li jħammġu.

Wieħed mill-awturi ta’ dan ir-rapport qal li s-sitwazzjoni tiggrava jekk issir normali li niddependu minn sorsi li jħammġu l-ambjent flok infittxu alternattivi.

Dan ir-rapport kien ippublikat minn New Weather Institute u fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiġi ppreżentati quddiem id-Dipartiment tal-Kultura, Midja u Sport fir-Renju Unit. Aktar minn 13 -il tip ta’ sport differenti kien studjat f’dan ir-rapport fejn ħareġ li l-futbol huwa l-iktar sport li għandu konnessjonijiet ma’ dawn il-kumpaniji, minn kumpaniji li huma sponsors tal-flokkijiet s’ismijiet ta’ stadiums.

L-istudju wera wkoll l-impatt li t-tibdil fil-klima qed ikollu fuq is-saħħa tal-bniedem u kien ikkumparat ma-tabakk li fl-2003 fir-Renju Unit kienu twaqqfu kull ftehim kummerċjali li kien fis-seħħ. Aktar minn 8.7 miljun persuna jmutu fis-sena minħabba fil-ħmieġ li jinsab fl-arja, aktar minn kemm imutu persuni fis-sena kawża tat-tipjip.