Internazzjonali

Tkompli l-kwistjoni mal-UE: Ir-Renju Unit jiffaċċja l-possibbiltà li jispiċċa miċħdud mill-vaċċini

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, mistenni li, din il-ġimgħa, jagħmel numru ta’ telefonati lill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea bħala sforz biex itaffi tilwima serja dwar il-provvista tal-vaċċini mill-Ewropa lejn ir-Renju Unit.

Il-mexxejja tal-UE, nhar il-Ħamis, se jissieħbu f’laqgħa virtwali bil-għan li jiddiskutu projbizzjoni għall-esportazzjoni tal-vaċċin tal-AstraZeneca-Oxford lejn ir-Renju Unit, iżda Johnson beħsiebu jippreżenta minn qabel ‘il-każ tar-Renju Unit’ f’din is-sitwazzjoni. Dan għandu jsir permezz ta’ telefonati personali lil numru ta’ mexxejja fost kriżi li kapaċi tħalli ħsara irreparabbli fir-relazzjonijiet ta’ Londra ma’ diversi Stati Ewropej.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qajjmet ferment bil-kumment tagħha li l-Unjoni Ewropea tista’ ‘twaqqaf il-vaċċini li qed ikunu prodotti fil-kontinent milli jaslu għand il-Britanniċi’.

Sadanittant, il-Ministri f’Londra qed jinsistu dwar l-importanza li l-UE tonora l-impenji tagħha. Dan meta – skont ma qalu s-sorsi f’Downing Street ( f’Londra) – von der Leyen, aktar kmieni din is-sena, infurmat lil Boris Johnson li l-Unjoni ma kenitx qed taħseb biex tillimita l-esportazzjoni tal-vaċċini.

Il-Ministru Britanniku għas-Saħħa u l-Kura Soċjali, Helen Whately, ħeġġet biex l-UE iżżomm il-kelma tagħha — filwaqt li wissiet kontra sitwazzjoni fejn ‘il-vaċċin jispiċċa suġġett għall-protezzjoniżmu u kunċetti ta’ nazzjonaliżmu’.

It-tilwima bejn Londra u l-UE tidher li tirrigwarda l-produzzjoni tad-dożi tal-AstraZeneca minn faċilità bbażata fl-Olanda. Eric Mamer, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, insista li l-Unjoni mhix qed tipprova tipprojbixxi l-esportazzjoni tal-vaċċin iżda trid li l-kumpaniji tal-farmaċewtika jirrispettaw l-obbligi li daħlu għalihom skont il-kuntratti tagħhom mal-istess Unjoni.