Lokali

Abela għandu d-dmir jispjega x’inhu għaddej – Bernard Grech

https://www.facebook.com/bernardgrechmt/posts/1312819915759806/

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu d-dmir li mill-aktar fis possibbli jispjega dak li għaddej. Għax ma jistax ikun li kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, Abela jrid jispjega x’inhu jagħmel dwar dawn l-allegazzjonijiet. Dawn l-aħbarijiet qed iqarrbu lill-kriminalità organizzata mal-Gvern Laburista.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’messaġġ li xxandar fuq Facebook u fuq NET Television wara t-talba li l-aħwa Alfred u George Degiorgio għamlu għal Maħfra Presidenzjali.

Bernard Grech qal li dawn huma żminijiet koroh għal pajjizna, bl-aħbarijiet li qed joħorġu ta’ kuljum mill-qalba tal-Gvern Laburista u li qed jixxukkjaw lil kulħadd. Żminijiet mingħajr preċedent b’akkużi fil-konfront ta’ Ministru u eks Ministru, li qed jiġu implikati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u attentat ta’ serq serju ieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hi prova oħra li l-istituzzjonijiet mhux jaħdmu u għalhekk, Abela jrid jispjega kif f’każi daqstant serji se jkollna istituzzjonijiet li jaħdmu tassew.

Tenna li dawn l-allegazzjonijiet qed ikomplu jagħmlu ħsara irreparabbli lill-kredibbiltà u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għalhekk, Abela għandu d-dmir li jkun trasparenti mal-poplu kollu, partikolarment wara li l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri beda jiffaċċja akkużi serji u bħalissa jinsab il-Ħabs.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li ssir ġustizzja ma’ kulmin kien involut f’reati kriminali għax jemmen li pajjiżna jixraqlu ferm aħjar. Dan hu episodju fejn pajjiżna jeħtieġ minnufih idawwar Paġna Ġdida u jagħlaq darba għal dejjem dan il-kapitlu iswed ħafna fl-istorja tiegħu ta’ Gvern Laburista, temm jgħid Bernard Grech.