Lokali

“Azzjoni li ttieħdet tard wisq” – Peppi Azzopardi

Dak li seħħ is-Sibt kien il-bidu ta’ dak li suppost seħħ erba’ snin ilu. Li kieku dan seħħ erba’ snin ilu, probabbilment Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel. Minħabba li l-istituzzjonijiet kienu reqdin ma’ xulxin, il-qattiela tal-ġurnalista kienu konvinti li mhux se jinqabdu. U issa sirna nafu li wara li attivaw il-bomba marru jieħdu te.

Dikjarazzjonijiet iebsin mill-Opinjonista u Xandar Peppi Azzopardi meta pparteċipa fil-programm NET Live, fejn ipparteċipa wkoll l-Avukat Trevor Degiorgio. Peppi Azzopardi nnota kif il-poplu ma tax kas il-gravità tas-sitwazzjoni minkejja li dak iż-żmien, meta kien Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kien jgħid li l-istituzzjonijiet inħatfu u ma kienux qed jaħdmu.

Issa li s-sitwazzjoni waslet s’hawn, il-ġenerazzjonijiet futuri għadhom iridu jbatu għal din il-ħsara li saret lill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, hu insista li l-Gvern ma jistax jibqa’ jgħid li l-Oppożizzjoni qed tagħmel il-ħsara, iżda hu importanti li l-verità toħroġ kollha u nitgħallmu minnha biex dak li ġara, ma jerġax jiġri.

Min-naħa tiegħu, Trevor Degiorgio wkoll fakkar fl-impenn tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment meta ppreżenta il-provi lill-Qorti. Hu tenna l-appell li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sigħat biex l-Inkjesta Egrant terġa’ tinfetaħ, fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi.