Il-Ġermanja estendiet il-lockdown għal tliet ġimgħat fejn qed timponi ‘waqfa kważi totali’ għall-attivitajiet relatati mal-vaganzi tal-Għid, waqt li qed tipprova trażżan tielet mewġa ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li pajjiżha, fil-preżent, jinsab ‘f’sitwazzjoni serja ħafna’. U wara taħditiet li kellha mal-mexxejja reġjonali tal-pajjiż, il-Kanċillier sostniet li l-miżuri tas-sigurtà attwali se jibqgħu effettivi sat-18 ta’ April.
Ir-restrizzjonijiet fil-Ġermanja se jkunu jerġa’ aktar iebsa bejn l-1 u l-5 ta’ April, meta l-ħwienet kollha jkunu magħluqin u bl-awtoritajiet jaċċertaw li l-laqgħat għan-nies jinżammu mal-limitu permess miċ-ċirkustanzi.
Il-Kanċillier żvelat li l-infezzjonijiet fil-pajjiż qed jiżdiedu b’rata allarmanti waqt li l-isptarijiet qed jerġgħu jimtlew bil-pazjenti. Fil-fatt ir-rata tal-infezzjonijiet fil-Ġermanja żdiedet għal aktar minn 100 każ għal kull 100,000 ċittadin. L-awtoritajiet, fl-istess ħin, irrappurtaw mas-7,500 infezzjonijiet ġodda għal perjodu ta’ 24 siegħa, flimkien ma’ 250 mewta relatati mal-coronavirus.
L-infezzjonijiet bil-Covid-19 qed jiżdiedu madwar l-Ewropa, fejn il-pajjiżi qed jagħmlu li jistgħu biex jirrankaw il-programmi tat-tilqim irrispettivament mid-dawmien u l-intoppi għar-rollout (distrubuzzjoni) tal-vaċċini madwar il-kontinent.
Franza, li wkoll qed tħabbat wiċċha ma’ problemi kbar b’kaġun tal-Covid-19 u l-varjanti tiegħu, irrapputat madwar 15,800 infezzjonijiet ġodda għal perjodu ta’ 24 siegħa flimkien ma’ 250 mewta. Dan waqt li ‘il fuq minn 470 pazjenti oħra qegħdin jingħataw il-kura intensiva fl-isptarijiet.
Ir-Repubblika Ċeka qalet li mietu 25,000 ċittadin bil-Covid-19 mill-bidu tal-pandemija – għalkemm sostniet ukoll li l-infezzjonijiet fil-pajjiż naqsu sew minn ġimgħa ilu.
Sadanittant, il-mexxejja tad-Danimarka qablu li jnaqqsu mill-miżuri tal-lockdown fil-pajjiż – bl-aħħar direttivi minn Kopenhagen jippermettu biex it-tfal jibdew imorru mill-ġdid l-iskola mis-6 ta’ April u li jiftħu numru ta’ servizzi.
Il-mexxejja Daniżi qablu wkoll li jdaħħlu’passaport tal-Covid’ li jikkonferma jekk persuna ingħatatx it-tilqima kontra l-coronavirus inkella jekk hi kellhiex l-infezzjoni u fieqet minnha. Id-dokument għandu juri wkoll jekk is-sid kellux test negattiv ‘fl-aħħar 72 siegħa’. Intant, it-tfal taħt il-15-il sena għandhom ikunu eżenti milli jġorru dan id-dokument.
L-iskop wara l-passaport – li jista’ ikun ‘ippreżentat’ anki permezz tat-telefon ċellulari – hu biex is-sid ikun jista’ jidħol fil-ħwienet, ir-ristoranti u l-kumplessi taċ-ċinema f’dan il-pajjiż.
//= $special ?>