Rabja kbira fost l-edukaturi, b’mod partikolari fost dawk li jispeċjalizzaw fit-tagħlim tal-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport wara l-aħbar li ex-plejer internazzjonali tal-futbol, Daniel Bogdanovic, ingħata kuntratt ta’ €15,000 għal tliet xhur xogħol, mingħajr ma ħadd ma jaf kif l-ingaġġ se jwassal għal titjib tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel.
Dan l-ingaġġ, imfisser bhala oxxen, urta bil-kbir lil dawn l-edukaturi li ħafna minnhom għandhom kwalifiki speċifiċi fl-isport, l-edukazzjoni fiżika u qed ikomplu bl-istudji tagħhom, f’livelli ta’ Masters u Dottorat, kemm fl-Università ta’ Malta u oħrajn lil hinn minn xtutna.
Lecturer tal-isport li tkellem ma’ Net News spjega kif dan il-job lil Bogdanovic dejjaq bi kbir lill-għalliema u lill-edukaturi, kif ukoll insulta lill-adolexxenti li qed isegwu korsijiet fuq livell ta Diploma u Baċellerat fl-MCAST u fi ħdan l-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u l-iSport fl-Universita.
Dawn it-tip ta’ impjiegi, qed iwasslu messaġġ żbaljat lil dawn l-istudenti…. li f’pajjiżna n-nepotiżmu għadu l-ordni tal-ġurnata, u ma jgħoddx kemm tistudja jew kemm tagħmel riċerka int.
Tkellimna ukoll ma’ persuni minn Sport Malta u fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti li urew id-dispjaċir tagħhom għal din l-aħbar, li fiha nnifisha tmur kontra l-valuri bażiċi tal-isport: dak li wieħed jirnexxi grazzi għal ħidma tiegħu.
Issemma ukoll li bl-aġir tagħha, il-Ministru injorat għalkollox il-fatt li fi ħdan l-Education jeżistu skemi ta’ boroż ta’ studju immirati speċifikament għal min irid iwettaq riċerka. B’mod dirett, dawn ir-riċerkaturi ġew insulentati bil-kbir ….u s-sagrifiċċji tagħhom ġew injorati mill-Ministru Justyne Caruana li ppreferiet persuna tal-qalba li dwarha hemm mistoqsijiet kbar fir-rigward tal-kwalifiki u l-kondotta tagħha.
Huma ħafna dawk li qed jistennew bil-ħerqa biex bħal lum xahar jaqraw ir-rapport li mistenni joħroġ minn Bogdanivic li suppost qed jagħmel analiżi tas-sitwazzjoni f’dawn il-ġranet; jiem li fihom l-iskejjel huma magħluqa u li fihom it-tagħlim tal-edukazzjoni fiżika qed isir online.
Intant, semmgħet leħinha wkoll il-parteċipanta fil-programm ‘LEAD’ tal-Partit Laburista, Joanna Camilleri, eks-ġudoka u preżentatriċi fuq ix-xandir tal-istat, li għadha ma tistax tniżżel dan l-ingaġġ ta’ Justyne Caruana meta l-iskejjel huma magħluqa u meta jeżisti biżibilju professjonisti li għandhom il-kwalifiċi fis-settur.
//= $special ?>