Iċ-Ċina u r-Russja ħarġu messaġġ ta’ kundanna għas-sanzjonijiet li kienu imposti fuqhom mill-Punent – bl-attakk konġunt iseħħ waqt żjara fi Guilin (fin-nofsinar taċ-Ċina) tal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov.
Fil-bidu tal-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Kanada ikkonfermaw l-ismijiet ta’ uffiċjali Ċiniżi fuq ‘Lista Sewda’ b’konnessjoni mal-abbuż regolari tad-drittijiet tal-Musulmani etniċi tal-Uighur fiċ-Ċina.
Issa, il-Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin, Wang Yi, qal li l-Punent ‘ilu żmien jindaħal fl-affarijiet interni taċ-Ċina’, b’Lavrov isostni li ‘id-deċiżjonijiet unilaterali tal-UE waslu biex jeqirdu r-relazzjonijiet tagħha mar-Russja’.
Din hi l-ewwel darba li l-UE imponiet is-sanzjonijiet fuq iċ-Ċina b’konnessjoni mad-drittijiet tal-bniedem minn wara l-massakru ta’ attivisti mill-militar taċ-Ċina li kien seħħ fis-sajf tal-1989 fi Pjazza Tiananmen ta’ Beijing.
Il-Punent, fl-aħħar snin, impona wkoll sanzjonijiet għal uffiċjali qrib il-President Russu Vladimir Putin. Dawn, fost oħrajn, kienu relatati mal-konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, l-allegat indħil ta’ Moska fl-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti u l-attakk b’sustanza velenuża fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny.
//= $special ?>