Kevin Cutajar, PN
Id-deputat Nazjzonalista Kevin Cutajar qal li l-gvern għandu jassumi responsabbiltà għall-kroll tal-latrina fid-Dwejra fejn miet ħaddiem ftit ġranet ilu galeix ma saritx il-manutenzjoni neċessarja fl-istess latrina.
Fl-Aġġornament tal-parlament Kevin Cutajar irrifera għat-traġedja li seħħet fid-Dwejra Għawdex fejn miet il-ħaddiem tal-gvern Charles Attard li kien qed jagħmel xogħol f’latrina pubblika u qal li hemm bżonn li traġedji bħal dawn ma jitħallewx għaddejjin bla ma jsir eżami tal-kuxjenza dwar x’għandu jsir biex ikunu evitati.
Hu qal li l-inċident kien sfortunat iżda seta’ kien evitat minħabba li kien ovvju li l-istruttura kienet esposta għall-elementi minħabba li kienet viċin il-baħar. Hu staqsa jekk saritx il-manutenzjoni neċessarja minħabba li l-latrina kienet viċin ħafna l-baħar li fid-Dwejra hu selvaġġ ħafna.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun speċifikat x’miżuri ttieħdu mill-gvern biex il-ħaddiema jagħmlu x-xogħol ta’ manutenzjoni bla periklu. S’issa ħadd mill-Ministeru għal Għawdex għadu ma assuma r-responsabbiltà dwar dak li seħħ
Kevin Cutajar qal li din il-latrina kienet taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex iżda s’issa kulħadd għadu sieket. Hu tkellem dwar l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u staqsa jekk l-Awtoità tkoprix lil Għawdex ukoll. Hu sostna li l-gvern ma jistax jipprtendi lis-settur privat joqgħod mar-regoli meta hu qed jonqos.
Fid-Dwejra l-gvern ħalla l-latrina perikoluża meta din kienet tintuża mit-turisti li jmorru fiż-żona. Hu staqsa min qed jiċċertifika s-sigurtà ta’ dawn il-postijiet pubbliċi u appella biex il-gvern iserraħ moħħ kulħadd li l-istrutturi pubbliċi huma siguri.