Lokali

Il-PN se jkompli jiddiskuti u jħaddan l-ideat li għandhom x’joffru ż-żgħażagħ

Il-Kap tal-PN f’laqgħa mal-Kunsill Eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ

“Nwegħdkom li l-Partit Nazzjonalista lest mhux biss iservi ta’ spalla għaż-żgħażagħ imma kommess li jiddiskuti u jħaddan l-ideat li għandhom x’joffru.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa mal-Kumitat Eżekuttiv ġdid tal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ fejn ħeġġiġhom sabiex ikissru l-ħitan u l-ostakoli li jsibu quddiemhom u jżommu l-fjamma tat-talenti u l-ideat ħajja.

Bernard Grech insista li huwa jemmen bi sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom potenzjal u talent essenzjali għal ħidma favur ġejjieni aħjar għal pajjiżna . Fost it-temi diskussi tkellmu wkoll dwar is-suġġett  tal-kannabis fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit huwa favur id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis u insista li qabel xejn hemm bżonn li l-fatti kollha tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ġġib ikunu magħrufa.

Ritratt: Martin Agius

Dan filwaqt li Bernard Grech sostna li s’issa l-pajjiż għadu qed jistenna t-termini tal-White Paper mwiegħda mill-Gvern  filwaqt li fakkar li l-aħħar Politika Nazzjonali ta’ droga kienet imfassla taħt Gvern Nazzjonalista aktar minn 13-il sena ilu. Għaldaqstant huwa stqarr li wasal iż-żmien li nerġgħu nħarsu lejha għal ġejjieni u politika ta’ kwalità.

Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-Gender Balance fil-Parlament fejn Bernard Grech insista dwar l-importanza tal-mara fi ħdan il-politika Maltija u l-bżonn li n-nisa jiġu xprunati bil-għan li tinbidel il-mentalità fis-soċjetà li ssawwarna.

Dan filwaqt li l-President il-ġdid tal-KNŻ, Liam Axisa – akkumpanjat mill-Viċi President Celine Talbot sostna dwar l-importanza li ż-żgħażagħ emarġinati u dawk li jispiċċaw fid-dinja tax-xogħol wara s-sekondarja għandhom bżonn ta’ leħen u insista li din il-vuċi ser ikunu qed imexxuha.

President tal-KNŻ – Liam Axisa

Dan filwaqt li insista dwar l-importanza li dawn il-laqgħat iseħħu sabiex kemm il-politiċi kif ukoll huma bħala Kunsill Nazzjonali Zgħażagħ ikunu jistgħu jħossu l-polz tal-poplu.

Tul din il-laqgħa attendew għaliha l-bqija tal-Kumitat Eżekuttiv tal-KNZ b’mod virtwali. Jakkumpanjaw lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Karl Gouder, il-President tal-MŻPN Joseph Grech u l-President ta’ Team Start Eve Borg Bonello.

Viċi President KNŻ – Celine Talbot