Edukazzjoni Lokali Sport

“Imġieba diżgustanti u inaċċettabli tal-Ministru Justyne Caruana” – Repubblika

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, Repubblika qalet li huwa diżgustanti u inaċċettabbli li l-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, sabet il-flus biex toħroġ direct order ta’ €5000 fix-xahar lill-ħabib viċin tagħha. 

“Dan il-footballer, li m’għandu ebda kwalifiċi fis-settur tal-edukazzjoni, ġie mqabbad biex fost oħrajn idur l-iskejjel f’perjodu fejn l-iskejjel huma magħluqa minħabba l-COVID-19.”

L-għaqda Repubblika sostniet li minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 f’Malta, il-Ministeru tal-Edukazzjoni waqqaf il-pagamenti għall-boroż ta’ studju ta’ bosta studenti, il-pagamenti ta’ progetti edukattivi fl-iskejjel u ħalla lill-għalliema b’laptops qodma u skaduti biex jgħallmu t-tfal online waqt li l-iskejjel huma magħluqa.

“Fi żmien fejn kull ċenteżmu għandu jmur biex itaffi l-impatt li l-istudenti qed isofru minħabba l-miżuri tal-COVID-19, il-Ministru tmur tberbaq flus il-poplu fuq il-ħabib tagħha.”

L-istqarrija temmet tistaqsi x’se jagħmel Robert Abela bil-Ministru Justyne Caruana.