It-Tlieta filgħodu, għall-ħabta tas-06:50, instab Astun Iswed, magħruf aħjar bħala Black Kite bl-Ingliż, fl-Imtarfa wara li skont il-Birdlife, dan l-għasfur tniżżel illegalment. Fuq il-post issejjħu l-Pulizija li ġabru l-għasfur biex għaddewh lill-veterinarju tal-Gvern.
Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta filgħodu, l-Għaqda qalet li din hija tajra tal-priża li tgawdi protezzjoni qawwija fl-Ewropa u kienet fi triqitha lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ewropa biex tbejjet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana rreaġixxa għal din is-sejba u saħaq li “din hija prova tal-kaċċa illegali rampanti li għaddejja fil-gżejjer tagħna u li b’xorti ħażina mhix l-eċċezzjoni imma saret in-norma.”
Bl-azzjonijiet tiegħu, Sultana qal li l-Prim Ministru Robert Abela saħansitra qed idaħħal derogi tal-kaċċa u l-insib li se jwasslu biex Malta terġa’ tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Birdlife bagħtu l-filmat, li ttella’ fil-paġna tagħhom fuq Facebook, lill-Membri Parlamentari Maltin u lill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tennew it-talba tagħhom biex tittieħed azzjoni immedjata ħalli dan jitwaqqaf.
Appart l-appell biex il-pubbliku jissieħeb bħala membru tal-għaqda, Birdlife talbet lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tassigura s-sigurtà tal-għasafar, li f’din ir-rebbiegħa qed ipassu minn fuq Malta fi triqithom lejn il-postijiet fejn se jbejtu fl-Ewropa.
//= $special ?>