Lokali Parlament

Kien il-PN u s-soċjetà ċivili li wasslu biex ittieħdu l-passi kontra l-korruzzjoni

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li kienet l-insistenza tal-PN u tas-soċjetà ċivili li wasslu biex ittieħdu passi u tressqu l-qorti persuni akkużati b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Fil-parlament Toni Bezzina qal li l-gvern Laburista ħammar wiċċ il-pajjiż b’dak li qed iseħħ fil-każi ta’ korruzzjoni. Hu sostna li Keith Schembri ttradixxa lill-Laburisti li vvotaw lill-PL fl-2013 u fl-2017; il-pjan kien ilu jinħema s-snin fil-PL.

Id-deputat Nazzjonalista spjega l-mod kif infetħu l-kumpaniji fil-Panama u qal li din kienet l-ewwel daqqa għal-Laburisti ġenwini. Hu tratta wkoll il-każi ta’ korruzzjoni fejn saru ftehim minn wara dahar id-Dipartiment tal-Artijiet fil-każ tal-Cafè Premier. Każ ieħor kien dak tal-Australia Hall, li hi propjetà f’Pembroke li tiswa €10 miljuni.

Musmar ieħor fl-ekonomija kien il-hedging taż-żejt mas-SOCAR tal-Ażerbajġan, liema ftehim wassal għal telf ta’ miljuni minn flus il-poplu. Dawn huma kollha flus li jistgħu jintużaw f’benefiċċju għall-poplu.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ wkoll ix-xiri tad-dawl mill-Electrogas fi skandlu li fih il-gvern intrabat li jixtri d-dawl għal 18-il sena anki jekk ma jkollux bżonnu. Dan sewa’ miljuni għall-poplu Malti, sostna Toni Bezzina, li kompla li liċ-Ċiniżi tahom ukoll il-power station tal-BWSC.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-bejgħ tal-isptarijiet u qal li permezz tal-ex Kap Adrian Delia, il-PN qed jagħmel impenn politiku biex l-isptarijiet jerġgħu jinkisbu mill-poplu.

Hu qal li Daphne Caruana Galizia nqatlet għax kellha l-kuraġġ li tikxef dawn l-iskandli u sostna li kellha tkun l-insistenza tal-ex Kap tal-PN Simon Busuttil biex jinfetħu l-inkjesti dwar il-korruzzjoni.

Toni Busuttil qal li jeħtieġ li jkompli jsir skrutinju lill-gvern biex ma jerġgħux isiru l-istess każi fejn l-impunità qed tieħu post is-saltna tad-dritt. Hu kkritika wkoll lill-gvern dwar il-ħsarat ambjentali li qed isiru fil-kampanja fil-passaġġi tal-konkos u bil-proposta għal flyover fl-Imrieħel.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-konsegwenzi tar-rapport tal-Moneyval fuq il-pajjiż u l-ekonomija u qal li kien il-gvern Laburista li xekkel l-istituzzjonijiet.