Lokali

L-aħwa Degiorgio jitolbu Maħfra Presidenzjali; Il-Fulu lest jikxef isem il-Ministru

Alfred u George Degiorgio, li jinsabu akkużati bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, talbu għall-Maħfra Presidenzjali biex jagħtu informazzjoni dwar mandant u middleman li fosthom – skont wieħed mill-aħwa – hemm eks Ministru li ismu qed jintrabat mal-qtil tal-ġurnalista.

Din it-talba għall-Maħfra Presidenzjali saret mill-Avukat William Cuschieri f’isem l-aħwa Degiorgio. Fit-talba tiegħu, Alfred, magħruf bħala Il-Fulu, qal li għandu informazzjoni li timplika Ministru attwali u eks Ministru bħala mandanti f’każ ta’ attentat ta’ serqa aggravata u omiċidju, aktarx b’referenza għall-każ tas-serqa sfrattata li seħħet fl-2010 fuq il-kwartieri tal-Bank HSBC f’Ħal Qormi.

L-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, magħruf bħala Il-Koħħu, kienu arrestati f’Diċembru 2017 b’akkużi li għamlu l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia xahrejn qabel. Ftit tal-jiem ilu, Muscat xehed li l-aħwa Degiorgio kienu tkellmu miegħu u kixfu l-involviment tal-eks Ministru Chris Cardona u sieħbu David Gatt.

Il-Fulu qed jgħid ukoll li għandu informazzjoni dwar qtil ieħor li s’issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti dwaru.

Min-naħa tiegħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniż, qed jgħid li għandu informazzjoni dwar mandant u min wettaq qtil li s’issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti dwaru, kif ukoll żewġ każi ta’ karozzi-bomba.

Dawn it-talbiet tal-aħwa Degiorgio issa jinsabu f’idejn il-Kabinett ta’ Robert Abela.