Jason Azzoprdi, PN
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ebda maħfra presidenzjali li jagħti l-gvern m’għandha tkun marbuta mal-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex il-ġustizzja trid ssir meta ma’ dawk kollha involuti
Fil-parlament Jason Azzopardi qal li dan hu mument ta’ gravità bla preċedent fejn il-gvern hu fid-dell ta’ akkużi li wara l-2013 kellu u għad għandu fi ħdanu elementi tal-mafja.
Hu sostna li l-poplu qed jgħix mumenti ta’ qtigħ il-qalb, dieqa u toqol u kompla li Malta m’għandhiex għalxiex ikollha r-reputazzjoni tagħha mkissra kif qed iseħħ minħabba l-korruzzjoni tal-gvern Laburista.
Id-deputat Nazzjonalista qal li wara l-2103 Kastilja saret il-bejta tal-kriminalità u kompla li l-korruzzjoni ppjanata wasslet għall-qtil ta’ ġurnalista li kienet qed taħdem biex tikxef il-korruzzjoni. Hu sostna li d-deputati Laburisti ddefendew b’saħħithom lil Keith Schembri u kompla li kieku saru l-arresti snin qabel, Daphne Carana Galizia ma kinitx tinqatel.
L-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma ħadmux fl-interess tal-poplu iżda fl-interess ta’ dawk li kienu fir-raba’ sular tal-PL. Hu qal li l-istituzjonijiet ħadmu biex ingħataw id-direct orders lil Nexia BT u sid 17 Black għamel il-miljuni. Jason Azzopardi qal li waqt dibattitu dwar 17 Black fil-parlament, deputati Laburisti kienu qed jibgħatu messaġġi lil Yorgen Fenech.
Dak li ġara s-sibt li għadda hu grazzi għall-ex Kap tal-PN Simon Busuttil, sostna Jason Azzopardi, li kompla li Keith Schembri ammetta fil-qorti li hu ma kien jagħmel xejn minn wara Joseph Muscat u kixef ukoll il-gidba li l-elezzjoni tal-2017 issejħet minħabba Egrant. Jason Azzopardi qal li mhux minnu l-akkużi tas-sibt li għadda seħħu qabel l-2013 iżda d-deputati Laburisti m’humiex kapaċi jikkundannaw il-korruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-kuġin ta’ uffiċjal tal-PL li qed jagħmel allegazzjonijiet foloz qatel ruxxmata nies u ttraffika l-armi u d-droga. Hu semma’ l-hold-up tal-HSBC fl-2010 u qal li l-Prim Ministru ħeba mill-poplu u inqabad jigdeb.
Hemm tliet kriminali differenti li qed jakkużaw lill-gvern li fi ħdanu għandu ministru li wettaq delitt u li ex-ministru wettaq delitt jew delitti oħra. F’Novembru li għadda Vince Muscat qal li l-Prim Ministru kellu ministru li kien involut f’delitt serju ħafna. Dan il-protest fil-qorti qatt ma kien inwieġeb mill-Gvern. Hekk jagħmel gvern li m’għandux x’jaħbi?
Il-Prim Ministru ħeba mill-poplu affarijiet ta’ gravità kbira biex jiddefendi. Il-gvern m’għandux jaġevola xi kriminal li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bl-iskuża biex jissolva xi delitt ieħor; il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’għandu jkun assoċjat mal-ebda każ ieħor.
Il-ġustizzja ssir meta dawk kollha involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jieħdu l-piena għad-delitt li wettqu. Hu inaċċettabbli li dawk li ħadu t-tè wara li qatluha issa qed jistiednu lill-Istat jieħu t-tè magħhom.
Jason Azzopardi qal li d-delitti għandhom ikunu solvuti mhux għad-detriment li tkun miċħuda l-ġustizzja lil Daphne Caruana Galizia u l-familja. X’jiġri jekk jintwera li fost id-deputati tal-Gvern hemm kriminal jew li fost l-uffiċjali tal-PL hemm trakkant tad-droga? X’jiġri jekk jirriżulta li fost il-minsitri tal-gvern kien hemm min organizza hold-up, hemm ħalliel, kompliċi f’hold-up jew hemm min hu parti mill-mafja. Is-sitwazzjoni hi gravi.
Xahar ilu l-Prim Ministru ċaħad li kien hemm politiku msemmi fil-kriminalità meta kien diġà msemmi meta issa hu stabbilit li hemm ukoll ex ministru li kien involut fil-kriminalità; Kastilja hi l-bejta tal-mafja.
Jason Azzopardi qal li l-informazzjoni hi li ministru ta ċ-ċwievet foloz tal-bank tal-HSBC u l-filmati biex il-kriminali jmorru għall-vault tal-bank HSBC fil-hold-up imsemmi. Il-Prim Ministru jrid jgħid ukoll meta l-aħħar li kkomunika mal-‘Maksar’, li qed jgħidu li jistgħu jwaqqgħu l-gvern.
Jason Azzopardi qal li Chris Cardona ken arretast fl-2010 dakinhar tal-hold up tal-HSBC iżda Joseph Muscat għamlu ministru fl-2013.
//= $special ?>