Lokali

FILMAT: Membri tal-Gvern imfixkla fuq li qal “il-Koħħu”

Il-membri tal-Gvern jinsabu mifxula b’dak li ħiereġ minn Vince Muscat il-Koħħu; jiġifieri l-allegazzjonijiet li qed jagħmel fil-konfront ta’ wieħed minnhom stess – allegazzjonijiet li fihom il-Koħħu qed jorbot Ministru fil-kabinett ta’ Robert Abela ma’ każ kriminali kbir li seħħ ftit tas-snin ilu.

Interessanti l-fatt illi l-Ministru Carmelo Abela, hu u dieħel fil-Parlament, iddeċieda li jwieġeb billi jgħid li mhux hu l-Ministru implikat.

“JIEN NIĊĦAD KATEGORIKAMENT… GĦAX KIEN HEMM MIN QED JOGĦĠBU JŻEFFEN ISMI FIN-NOFS… NIĊĦAD KATEGORIKAMENT DAK LI QED JINGĦAD

Filwaqt li uħud mill-Ministri għazlu li jibqgħu deħlin u għat-tieni jum konsekuttiv ma jwieġbux għall-mistoqsijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet goffi fil-konfront ta’ kollega minn tagħhom, oħrajn taw tweġibiet differenti, bil-Ministru Josè Herrera jindika li t-tieni talba għal maħfra tal-Koħħu mistennija titla’ quddiem il-Kabinett.

Dan kollu filwaqt li l-Prim Ministru baqa’ mistoħbi fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja.

Hu u ħiereġ mill-Parlament ftit tal-ħin wara, il-Ministru Carmelo Abela baqa’ miexi u ma weġibx fost l-oħrajn dwar jekk għadux jemmen li Vince Muscat il-Koħħu qed jgħid il-verità, wara li l-Gvern tah maħfra presidenzja biex jikxef dak kollu li jaf b’rabta ma’ għadd ta’ każijiet kriminali.