Lokali Qorti

Raġel arrestat fuq kokaina kien fuq ir-raba’ garanzija simultanja jerġa’ jitressaq il-Qorti

Raġel residenti l-Ħamrun li fil-passat kien involut f’diversi reati ġie miċħud il-libertà proviżorja wara li tressaq il-qorti fuq akkużi relatati mad-droga kokaina.

Juanito Jimenez, ta’ 27 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras mill-Ispettur Alfredo Mangion, akkużat b’pussess ta’ kokaina b’intenzjoni ta’ traffikar, pussess ta’ ħaxixa tal-kannabis u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti f’Novembru 2018, kif ukoll f’Mejju, Lulju u Diċembru 2020. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv.

L-Ispettur Mangion qal lill-Qorti li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni li kien se jsir ftehim dwar id-droga f’post mhux żvelat. Il-Pulizija kienu avviċinaw żewġ vetturi iżda vettura waħda rnexxielha taħrab.

L-akkużat instab fil-vettura l-oħra, Mitsubishi Pajero. Fiha l-Pulizija sabu tliet qratas, suspettata li kienet kokaina u l-akkużat ġie arrestat. Huwa nstab ukoll li kien qed iġorr madwar €4,600 fi flus kontanti.

Jimenez iffaċċja total ta’ aktar minn €46,000 f’garanziji ta’ pleġġ. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest ‘dan l-istadju. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia kienu l-avukati difensuri.