Il-pulizija qed iżżomm raġel suspettat dwar sparatura li seħħet fil-bidu tal-ġimgħa f’supermarket fil-limiti ta’ Denver ( fl-Istat ta’ Colorado) u li fiha tilfu ħajjithom tal-anqas għaxar persuni, inkluż uffiċjal tal-pulizija. L-arrest tar-raġel seħħ wara stat ta’ assedju li dam għal sigħat fl-inħawi tal-King Soopers supermarket, f’Boulder County.
L-aggressur suspettat spiċċa midrub u r-rapporti qalu li l-pulizija li nqatel kien l-ewwel uffiċjal tal-liġi li mar fuq il-post waqt l-emerġenza. Intant, il-poplu ta’ Boulder spiċċa trawmatizzat bl-aħħar żviluppi u bl-awtoritajiet lokali jirreferu għall-isparatura bħala ‘traġedja għall-komunità’.
L-attakk seħħ għall-għarrieda meta n-nies kienu għaddejjin bix-xirja ta’ kuljum u waqt li s-supermarket kien mimli bin-nies. Ma ngħatawx dettalji dwar id-disa’ vittmi l-oħra (apparti l-pulizija) u lanqas ma ssemma l-iskop wara l-attakk.
Ir-rapporti qalu li l-aggressur daħal fis-supermarket u beda jispara fuq min inzerta quddiemu. Dan waqt li n-nies u l-ħaddiema tas-supermarket kellhom ifittxu l-eqreb mezzi tal-kenn fost l-isparar kontinwu u l-paniku sussegwenti.
Is-supermarket fejn seħħ l-attakk jifforma parti minn kumpless kummerċjali kbir, bil-massakru jseħħ anqas minn ġimgħa wara l-isparatura f’Atlanta li ħalliet tmienja mejtin fi tliet kumplessi ta’ spa.
Intant, id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Boulder kien qed iwissi lin-nies biex jevitaw iz-zona fil-madwar tas-supermarket u biex ‘ma jużawx il-media soċjali bil-għan li jxerrdu l-informazzjoni relatata mal-inċident’. Dan waqt li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fis-sit tal-massakru.
//= $special ?>