Lokali

Żagħżugħ imut wara ħruġ ta’ gas minn heater

Ramiro Mallia, żagħżugħ ta’ 19-il sena tilef ħajtu wara li ntilef minn sensih b’konsegwenza ta’ ħruġ ta’ gas minn heater f’residenza li tinsab fi Triq Santa Katerina, Ħal Qormi għall-ħabta tal-4.30pm.

Fuq il-post intalbet l-għajnuna tal-Pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili fejn minn hemmhekk ittieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura. Sfortunatament huwa tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.

L-aħbar li ż-żagħżugħ Ramiro Mallia tilef ħajtu wara ħruġ ta’ gass fir-residenza tiegħu ħalliet lil ħafna xxukkjati għal din it-traġedja. Bosta selmu l-memorja tiegħu, fejn tkellmu dwar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħu filwaqt li lkoll iddeskrivewh bħala żagħżugħ eżemplari u ispirazzjoni għal kulħadd.

Ramiro Mallia kien ilu għall-aħħar snin li ddedika ħajtu biex jgħin lil min kien għaddej minn diffikultajiet tant li sa dalgħodu stess kien għaddej b’ħidma biex ibiegħ il-figolli biex jiġġenera flus għal Puttinu Cares.

Fl-aħħar snin Ramiro għen ukoll lill-Fondazzjoni Karl Vella, permess ta’ mixja ta’ kull sena li kienet appoġġjata wkoll mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, kif ukoll diversi individwi oħr li kienu għaddejjin mid-diffikultajiet tal-mard.

Dan wara li Ramiro nnifsu, xi snin ilu, għeleb il-ġlieda kontra l-kanċer… ġlieda li rebaħa anke jekk ċaħħditu minn ħafna affarijiet li kien iħobb, fosthom il-futbol fejn kien jitħarreġ man-nursery ta’ Qormi F.C.