Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech llejla fil-parlament għamel appell importanti u mqanqal lill-President ta’ Malta George Vella f’dan il-mument diffiċli u ta’ kriżi li għaddej minnu l-pajjiż.
Fil-parlament Bernard Grech qal li dawn huma żminijiet bla preċedent fejn l-istorja politika tal-pajjż qatt ma esperjenzat kriżi bħal din. Il-poplu Malti jinsab ixxukkjat; din hi r-realtà ta’ kulħadd.
Hawn sens ta’ tradiment li ħafna nies qed iħossu għax din hi kwistjoni tal-Maltin u Għawdxin ġenwini li kull ma jixtiequ hu li jgħixu ħajja serena. Il-gvern ta’ Muscat u Robert Abela wiegħdu ħolma u taw lura inkubu, wiegħdu futur sabieħ u serqu mhux biss il-miljuni iżda r-ruħ tan-nazzjon Malti.
Il-Kap tal-PN sostna li fil-parlament hemm potenzjalment kriminal fost id-deputati Laburisti; dan hu ta’ dispjaċir li ma nixtieqx ngħidu u nemmnu kif ma jixtieqx jemmnu l-poplu Malti. Dan ifisser li potenzjalment fl-aħħar ħames xhur fil-parlament kien hemm allegat kriminal.
Quddiemi għandi Prim Ministru li qisu xejn m’hux xejn, sostna l-Kap tal-PN, li ddikjara li lanqas biss staqsa lill-ministri dwar l-allegazzjonijiet serji. Għalhekk ninsab irrabbjat; għax ninsab imweġġa’ għax jien qed inħoss l-uġiegħ tal-poplu li kull ma jrid hu pajjiż normali.
Bernard Grech kompla li dan ifisser li meta l-Ispeaker kien deputat Laburista potenzjalment kien qed iħokk ma’ kriminali; ma nistgħux ma nitkellmux dwar dan għax din mhix sitwazzjoni normali. Hawn persuna fil-ħabs li kien wieħed mill-ogħla persuni fil-gvern Laburista li jinsab akkużat b’reati serji.
Hu qal li din is-sitwazzjoni tfisser li potenzjalment dawn in-nies kellhom il-futur tal-poplu u kissru r-reputazzjoni tal-pajjiż, umiljaw lill-poplu mad-dinja kollha. Waqt li kienu qed joħonqu l-istituzzjonijiet kienu qed jivvintaw każ kontra l-ex ministru Giovanna Debono.
Hu sellem lil Giovanna Debono u lir-raġel tagħha li għaddewhom minn martirju; llum għandna konferma li l-pulizija kellha tinvestiga aħjar biex dan il-każ ma jitressaqx il-qorti. L-istituzzjonijiet kienu kontrollati wkoll biex jieħdu passi kontra persuni li mhux suppost ittieħdu passi kontriehom.
Il-pajjiż jeħtieġ joħroġ min dawn iż-żminijiet iżda bil-fatti l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu u li min hu ħati jassumi responsabbiltà politika. Jeħtieġ jieqaf il-gideb u l-muntatura Laburista biex jipprovaw jitmejlu bil-poplu; spiċċa ż-żmien li jkunu kontrollati l-imħuħ. Dan il-pajjiż u l-poplu jixraqlu aħjar, sostna Bernard Grech li qal li l-Ispeaker jisħoqqlu aħjar għax jippresiedi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-PN irid jissielet għal dan skont il-liġi għax il-poplu għandu dritt li l-pajjiż isir tagħna lkoll u neħduh minn idejn dawn il-kriminali li ħatfuh biex jistgħanew huma u l-poplu jingħata l-loqom.
Bernard Grech qal li l-politiċi jridu jkunu onesti mal-poplu u sostna li mhux minnu li l-akkużati tressqu bil-ħila tal-Prim Ministru għax li kien għalihom huma għadhom jiddefendu l-kriminalità.
F’Mejju 2016 saret mozzjoni kontra Keith Schembri iżda d-deputati Laburisti ddefendewh kif għamel l-istess Robert Abela. Din hi r-realtà; illum għad għandna Prim Ministru li għadu jiddefendi dak li seħħ. Dak li ġara nhar is-sibt ma seħħ għax ħadmu l-istituzzjonijiet; għax dawn kellhom sarima ma’ ħalqhom.
Kellu jkun Simon Busuttil li mar quddiem il-maġistrat u talab inkjesta wara li Daphne kienet żvelat il-fatti. Kien minħabba dawn l-inkjesti li ttieħdu n-nies il-qorti; din hi l-verità. L-istazzjon nazzjonali qed idawwar il-messaġġ għax anki din l-istituzzjoni tinsab maħtufa.
Il-Kap tal-PN sostna li l-PN se jqum għall-okkażjoni u jaħdem iktar minn qatt qabel biex jersaq lejn il-mument li l-poplu jagħżel lill-PN li jrid jagħti tama, possibbiltà u għażla aħjar. Is-sitwazzjoni hi kollha tort tal-gvern Laburista u għaliex ħafna deputati Laburisti għażlu lill-ħbieb flok lill-poplu Malti.
Hu appella lill-President ta’ Malta biex jirrikonoxxi li dan hu l-mument tal-prova għall-poplu; it-tama tal-Maltin hi fik u int trid tkun il-persuna li ddaħħal sens fil-politika, trid tkun il-persuna li tagħmel il-piż morali biex ninqalgħu minn dan iż-żmien ikrah.
Bernard Grech appella wkoll lill-poplu kollu, inkluż lil-Laburisti ġenwini li kienu ngannati, biex jagħmlu kuraġġ li jiċċaqilqu; spiċċa ż-żmien li kulħadd jiddeċiedi skont il-familja, irridu ninqalgħu minn dawn il-mażżri tal-blu u l-aħmar u nagħtu ċans lil dan il-pajjiż u risposta li l-politika tista’ u tkun nadifa. Ejja nagħtu tama. Liż-żgħażagħ u lil uliedna anki lil dawk li għadhom ma tweldux.
Dan il-pajjiż jixraqlu aħjar u jdawwar il-paġna u jibda paġna ġdida; nistieden lill-Maltin li flimkien bl-onestà u bis-sinċerità naqbdu id f’id u flimkien indawru din il-paġna. Spiċċa ż-żmien tal-paroli u li jsiru l-akkużi li naħdmu kontra l-interessi ta’ pajjiżna; kburi b’pajjiżi u b’kull Malti u Għawdxi.
Għalhekk dħalt fil-politika. Irrid niġġieled bħala gladjatur għall-pajjiż. Flimkien jistgħu nirnexxu u naħdmu u nagħmlu minn pajjiżna ġawhra fil-Mediterran u fid-dinja; bis-sagrifiċċji, bix-xogħol u bl-onestà u mhux bil-klien. Irridu tassew futur aħjar għalikom, għal uliedkom u għall-pajjiż, temm Bernard Grech.
//= $special ?>