Il-Union tad-deputati reġistraturi (Deputy Registrars Law Courts -(UDRLC) tat lill-amministrazzjoni tal-Qorti skadenza nhar il-Ġimgħa biex tlaqqam lill-ħaddiema tagħha jew tiffaċċja azzjoni industrijali li tibda minn nhar it-Tnejn.
Il-President tal-unjoni, Simon Simpson, qal li minkejja li kiteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Qrati Frank Mercieca bit-talbiet tagħha aktar kmieni dan ix-xahar, it-tilqim baqa’ ma sarx u li l-istaff tal-Qorti qed jiġu “mmexxija minn imnieħirhom.”
F’email mibgħuta t-Tlieta filgħodu lil Mercieca, Simpson qal li kien intlaħaq tip ta’ ftehim mal-amministrazzjoni ġimagħtejn ilu u nġabru l-firem ta’ dawk interessati li jirċievu l-vaċċin.
“Imma issa għaddew 15-il jum u sal-lum ma smajna xejn. Għalhekk, qed nagħtu sal-Ġimgħa 26 ta’ Marzu biex inkunu infurmati bid-data li fiha se tingħata t-tilqima.
“Jekk sa dik id-data mhux se nirċievu konferma bil-miktub, l-Union – li tirrappreżenta l-maġġoranza tad-deputati reġistraturi fil-Qrati se tkun qed tagħti direttivi lill-membri tagħha, mit-Tnejn 29 ta’ Marzu. ”
Jidher li Mercieca kien f’komunikazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u baqa’ ma ngħata l-ebda risposta mingħandhom. Simpson ilu jagħmel pressjoni biex il-ħaddiema tal-Qorti jingħataw il-vaċċin, imma kollox waqa’ fuq widnejn torox.
Fattiga tilef ħajtu bil-COVID-19
Numru ħaddiema, avukati u saħansitra membri tal-ġuidikatura kienu nfettati bil-COVID-19 u ftit tal-jiem ilu fattiga li kien jaħdem fis-sular ta’ fuq tal-Qorti spiċċa biex anke tilef ħajtu kawża tal-pandemija.
Fl-1 ta’ Marzu li għadda l-Imħallef Francesco Depasquale kien wkoll ħa x-xoqqa f’moxtha meta kellu quddiemu lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li kien qed jixhed fil-kawża tal-Vitals li għamel l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Qabel ma ħareġ mill-awla Depasquale qal lill Ministru Fearne biex ‘jeħodlu ħsieb lill-ħaddiema tiegħu’. “Ħudli ħsieb il-ħaddiema t’hawnekk għax qed jaqgħu qishom dubbien”.
Kumment qawwi minn ġudikant għoli tal-Qorti minn Imħallef lid-Deputat Prim Ministru hekk kif dan temm ix-xhieda tiegħu f’seduta oħra fil-kawża biex jinġiebu lura t-tliet sptarijiet tal-Maltin.
Depasquale ma ħalliex l-okkażjoni għaddejja u b’nofs tbissima indirizza lill-Ministru dwar is-sitwazzjoni fil-Qrati li kompliet teskala f’dawk li huma każijiet tal-virus.
//= $special ?>