Il-Kummissjoni Ewropea ipproponiet il-kontrolli aktar riġidi għall-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-Covid-19 wara li akkużat lill-kumpanija Anglo-Żvediża AstraZeneca b’li ‘naqset milli tonora t-termini tal-kuntratt tagħha biex tissupplixxi l-vaċċin lill-Istati tal-Ewropa’
Il-pjani – li se jkunu trattati dalwaqt mill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea – mhumiex jimmiraw biex iwaqqfu minnufih l-esportazzjoni tal-vaċċini iżda, fiċ-ċirkustanzi, jidher li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jieħdu daqqa oħra ‘l isfel.
Kwalunkwe kunsinna ta’ vaċċin, ‘il quddiem, mistennija tkun evalwata ‘skont ir-rata tal-vaċċini relatata mal-pajjiż fejn tkun trid tasal il-kunsinna – u r-rati tal-espertazzjoni mill-pajjiż inkwistjoni. ‘
Sadanittant, feġġet sitwazzjoni fl-Italja li kapaċi tqanqal tensjoni sostanzjali mar-Renju Unit. Dan meta nstabu miljuni ta’ dożi tal-vaċċin tal-AstraZeneca li suppost kellhom jitwasslu lir-Renju Unit u li minflok kienu nżammu fil-faċilità ta’ Catalent f’Anagni, qrib ta’ Ruma.
Dawn id-dożi nstabu mill-ispetturi Taljani bħala parti minn investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – bil-pulizija militari Taljana ma ċaħditx li ‘kien sar rejd’.
Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Taljan u l-Ministeru għall-Affaraijiet Barranin f’Ruma ma kkummentawx dwar is-sitwazzjoni. Dan meta l-faċilità inkwistjoni għandha kuntratt mal-AstraZeneca ‘biex tikkonkludi l-produzzjoni tal-vaċċini’.
L-istess faċilità għandha anki tikkonkludi l-ipproċessar tal-vaċċin tal-kumpanija Johnson & Johnson – li wkoll kienet approvata għall-użu fl-Unjoni Ewropea.
Is-sejba rrappurtata tal-vaċċini fl-Italja seħħet ġimgħat wara li l-Gvern Taljan kien waqqaf l-esportazzjoni ta’ 250,000 doża tal-Oxford-AstraZeneca lejn l-Awstralja bħala parti mir-regoli ġodda tal-UE li jippermettu biex pajjiż iwaqqaf kunsinna tal-vaċċin f’sitwazzjoni fejn kumpanija ‘tidher li qed tonqos mill-obbligi tagħha lejn is-27 Stati-membri tal-UE’.
Sadanittant, is-sorsi qrib l-UE għadhom qed jinsistu li l-proposti qabel il-laqgħa tal-mexxejja huma intiżi ‘biex jaċċertaw li l-Ewropa jkollha l-provvisti xierqa tal-vaċċin li hi intitolata għalihom’. Meta wieġbet għall-mistoqsija dwar ‘jekk l-Unjoni hix taħseb biex timponi tip ta’ penali għar-Renju Unit’, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa, Stella Kyriakides, sostniet li ‘l-Ewropa qed tiffaċċja pandemija kiefra u mgħandhiex il-ħsieb li timponi pieni għal pajjiż partikulari’.
Filwaqt li l-infezzjonijiet qed jiżdiedu madwar l-Ewropa, l-Istati-membri qed jippruvaw iħaffu l-kampanji tat-tilqim wara bidu problematiku – u anki kaotiku. L-Unjoni, sadanittant, qed twaħħal parti mit-tort ‘fil-fatt li waqgħu lura l-kunsinni tal-vaċċin tal-AstraZeneca’waqt li semmiet ‘il-miżuri tas-sigurtà dovuti’.
Fi żviluppi oħra, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, f’pass drammatiku, annullat il-lockdown ta’ ħamest ijiem li kellu jsir f’pajjiżha fi żmenijiet tal-Għid u li kienet ħabbret hi stess.
Id-deċiżjoni nbidlet wara li Merkel kellha t-taħditiet mal-Mexxejja tal-Istati Ġermaniżi u wara, hi ammettiet ‘li l-iżball kien tagħha biss’ u li hi ħadet id-deċiżjoni inizjali ‘bl-aħjar intenzjonijiiet fiċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>