Internazzjonali

Covid-19: Tħassib dwar ‘varjant doppju’ li nstab fl-Indja

Fl-Indja nstab ‘varjant doppju’ ġdid tal-Covid-19 wara li kienu studjati l-kampjuni tal-virus f’dan il-pajjiż. Intant, l-uffiċjali qed janalizzaw jekk il-varjant – ‘double mutant’ – jistax ikollu potenzjal aktar qawwi biex jinfetta lin-nies inkella jekk għandux reżistenza akbar għall-vaċċini.

Sitwazzjoni ta’ ‘double mutant’ isseħħ f’sitwazzjoni fejn isiru ‘il-bidliet simultanji fl-istess virus’ u bl-iżviluppi tal-virus ikunu segwiti bi proċess ta’ testijiet magħruf bħala genomic sequencing.

Sadanittant, xi 10,800 kampjun tal-virus minn 18-il Stat Indjan żvelaw mas-771 każ ta’ varjanti magħrufa – fil-parti kbira nett tar-Renju Unit u bl-oħrajn ikunu l-varjanti tal-Afrika t’Isfel u wieħed ‘tal-Brażil’.

L-uffiċjali, intant, qalu li l-varjanti mhumiex relatati maż-żieda fil-każi tal-Indja, meta l-pajjiż irrapporta mas-47,500 każ u 275 mewta għallum biss u li jirriflettu l-akbar qabża ta’ każi (fil-pajjiż) din is-sena.

Is-Sars-CoV-2 Consortium on Genomics (INSACOG) – li hu grupp ta’ għaxar laboratorji nazzjonali taħt it-tmexxija tal-Ministeru Indjan għas-Saħħa — ħa ħsieb il-proċessi tal-genomic sequencing fuq l-aħħar kampjuni tal-virus.

Il-proċess inkwistjoni, fil-fatt, jinvolvi proċess ta’ testijiet li jiddettaljaw il-kodiċi ġenetika sħiħa ta’ organiżmu speċifiku – f’dan il-każ il-coronavirus.