Lokali Qorti

Ħalliel armat li żamm mara b’sikkina jmur erba’ snin ħabs

Ħalliel li kien armat b’sikkina u li żamm mara kontra l-volontà tagħha ingħata piena ħabs wara li ammetta żewġ serqiet minn residenzi, b’serqa minnhom tispiċċa b’mara mwerwra wara li ppuntalha sikkina.

Il-Maġistrat Gabriella Vella ħabs ikkundannat lir-raġel għal erba’ snin priġunerija. Brian Mallia ta’ 46 sena minn Bormla ammetta mill-ewwel akkużi ta’ arrest illegali u serq ta’ flus kontanti u ġojjelli li kien aggravat bi vjolenza, mezzi, valur u post, minn residenza f’Ħal Tarxien fil-11 ta’ Marzu.

Mallia, li qal lill-qorti li ma jaħdimx, ammetta wkoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess u b’attentat ta’ serq aggravat minn residenza f’Bormla, ukoll fil-11 ta’ Marzu. Barra minn hekk, huwa ammetta wkoll li sar reċidiv.

Qabel ma ngħatat is-sentenza l-Qorti wissiet lil Mallia, li l-akkużi kellhom massimu ta’ seba’ snin priġunerija bir-raġel jingħata żmien biex jikkunsidra mill-ġdid lp-ammissjoni tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ikkoopera u għen lill-pulizija biex isolvu reati oħra, u li kienu qegħdin jitolbu sentenza ta’ ħabs ta’ madwar tliet snin. Il-Qorti ssospendiet is-seduta fil-qosor, u rtirat fis-sigrieta biex toħroġ bis-sentenza tar-raġel.

Ftit minuti wara, il-Maġistrat talbet lir-raġel jekk hux se jikkonferma t-talba tiegħu. “Ħati” huwa reġa’ wieġeb. Il-Qorti qieset ir-rekord kriminali tar-raġel li kien miżgħud b’kundanni simili.

Il-Qorti qalet ukoll li ma għenx lilu nnifsu, minkejja li ngħata l-opportunità li jagħmel dan. Min-naħa l-oħra, huwa kien ikkoopera mal-Pulizija. Il-Qorti kkundannat lir-raġel għal erba’ snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €116 fuq l-arma.

L-avukat ta’ Mallia tenna li hemm il-possibbiltà li jsir appell mill-piena. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Paul Camilleri mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace kien avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat