Ambjent Ekonomija Lokali

“Ħidma mill-PN għal ekonomija aktar robusta” – Bernard Grech

Il-viżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ qed tħares lejn il-ħtieġa li jkollna ekonomija robusta u fuq dawn il-linji, il-PN diġà ħejja għadd ta’ proposti biex is-settur tan-negozju jimxi ‘l quddiem.

Dwar dan tkellem il-Kap tal-PN, meta l-Erbgħa indirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Chamber.

“L-Oppożizzjoni, matul is-snin li għaddew, kemm-il darba qajmet it-tħassib tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-mudell ekonomiku tagħna u kif qed ikun  amministrat mill-Gvern Laburista. Tkabbir ekonomiku li jistrieħ prinċipalment fuq iż-żieda tal-popolazzjoni lokali mhuwiex sostenibbli”

“Napprezza u nfaħħar il-fatt li l-Kamra tal-Kummerċ ilha taħdem qatigħ għal dawn l-aħħar xhur. Ix-xogħol kbir li jwassal għal ekonomija robusta, viżjoni għal 5 snin li ġejjin u maħduma minn ideat minn imħuħ mill-aqwa tan-negozju fil-pajjiż.”

Il-Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi diversi niċeċ ekonomiċi ġodda flimkien mal-ħolqien ta’ potenzjal ta’ ekosistemi madwar numru ta’ oqsma ewlenin.

“L-ewwel punt, il-ħidma tagħna se tistabbilixxi lil Malta bħala ċentru internazzjonali tal-edukazzjoni. It-tieni, għandna nrawmu viżjoni strateġika sabiex tiġi stabbilita ekosistema fis-saħħa u l-benesseri kollha. Irridu nkunu impenjati bis-sħiħ biex nibdew ‘Rivoluzzjoni Ħadra’ fil-mentalità tagħna, rivoluzzjoni li tħares l-ambjent tagħna u huwa għalhekk li aħna bħala PN żvelajna pjan dwar l-Enerġija”

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar niċċa, ħidma biex ikun hemm żieda fl-ismart manufacturing.

“Jekk elett bħala Prim Ministru, il-baħar u s-settur marittimu se jingħata l-prijorità u l-attenzjoni li njixirqilhom. Fl-aħħarnett, ħidma sħiħa għal diġitizzazzjoni u t-teknoloġiji futuri. Dawn għandhom ikunu s-sinsla tagħna għal aktar sforzi ekonomiċi. Irridu naħdmu fuq it-Trasformazzjoni Diġitali li se tieħu lil Malta għas-sena 2030”.

Bernard Grech qal li se jaħdem biex iressaq aktar ideat ħalli pajjiżna jirkupra sew wara l-pandemija, iżda mhux biss. Tenna li l-PN se jkompli jaħdem spalla ma’ spalla mal-korpi kostitwiti biex pajjiżna jirnexxi.