Futbol Sport

“Huwa neċessarju li l-Kampjonati lokali jitkomplew” – Devis Mangia

(Ritratt: MFA)

F’konferenza ndirizzata lill-midja fi tmiem il-partita kontra r-Russja mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2022, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia enfasizza l-ħtieġa li l-Kampjonati lokali tal-futbol jitkomplew.

Dan għaliex fi kliem Mangia stess il-waqfien fit-tul mingħajr taħriġ u mingħajr partiti se jħalli mpatt negattiv fiżikament fuq il-players.

“Jekk nagħmlu sitt xhur oħra ma nilgħabux, fil-waqfa internazzjonali ta’ Settembru mhux ser nkunu kapaċi, fiżikament nlaħħqu mal-avversarji tagħna” żied jgħid Mangia.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, rrimarka wkoll li l-Kampjonati f’Malta biss ġew mwaqqfa minn madwar id-dinja kawża tal-pandemija tal-COVID-19 u dan se jkun ta’ żvantaġġ għat-tim nazzjonali Malti fil-futur jekk il-Kampjonati ma jitkomplewx.

Il-Kampjonat BOV Premier u l-BOV Challenge League ġew posposti b’mod immedjat fil-11 ta’ Marzu bħala mezz ta’ mitigazzjoni kontra l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll twaqqaf it-taħriġ kollu tal-klabbs lokali sal-11 ta’ April li ġej.