Lokali

Il-ġlieda ta’ Malta kontra l-mafja hija ġlieda Ewropea – Repubblika

Ittra ta' Repubblika lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

F’ittra lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, l-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika saħqet li l-ġlieda ta’ Malta kontra l-mafja hija ġlieda Ewropea.

Huma spjegaw li Repubblika twaqqfet wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. “Aħna ġġilidna kontra l-korruzzjoni mifruxa u istituzzjonalizzata tal-gvern ta’ Joseph Muscat u għamilna kampanja għar-riżenja tiegħu u t-tneħħija ta’ wħud mill-ministri tiegħu.”

Reppublika fakkru lill-President tal-Parlament Ewropew bl-iżviluppi li seħħew f’pajjiżna fl-aħħar jiem fejn l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri spiċċa fil-Faċilità Korrettiv ta’ Kordin. L-għaqda tas-soċjetà ċivili stqarret li bħalissa pajjiżna jinsab f’qagħda delikata ħafna. Huma saħqu li għad hawn persuni f’pajjiżna li qed jirriskjaw ħajjtihom biex toħroġ il-verità.

Din l-għaqda tkellmet ukoll dwar l-iskandli tal-Gvern Laburista li ma jaqtgħu xejn u kien għalhekk illi wasslu l-messaġġ: “Nirrikorru lejk, għall-MPEs kollha, għat-tmexxija tiegħek u għall-valuri Ewropej tal-ġustizzja u l-istat tad-dritt, biex testendi l-protezzjoni tas-sorveljanza tiegħek għal dawk li qed ifittxu l-ġustizzja u l-liġi f’Malta. L-Ewropa ma tistax tippermetti li titlef aktar persuni fil-battalja kontra l-ħakma tal-kriminali u l-korrotti.”