Ambjent Lokali

Il-Ministru Anton Refalo jgiddeb lis-sajjieda

Il-Ministru Anton Refalo giddeb lill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd hekk kif allega illi mhux veru li ilhom jistennew 3 xhur għal-laqgħa miegħu.

“L-ewwel nett mhu vera xejn li ilhom jitolbu għal-laqgħa għal 3 xhur… għax iċċekjajt biex inkun ċert u mhu minnu xejn u niltaqgħu ta’ spiss”

Iżda s-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Jason Grixti ikkonferma mal-gazzetta MaltaToday illi il-Ministru Anton Refalo baqa’ jinjora b’mod kostanti lil din il-koperattiva li tirrappreżenta l-maġġoranza tas-sajjieda żgħar, u li ilhom jistennew 3 xhur biex jiltaqgħu miegħu dwar il-kwistjoni b’rabta mal-qbid tal-Lampuki.

“Il-ġimgħa d-dieħla ħa nerġgħu niltaqgħu magħhom biex niddiskutu l-emails tagħhom, din li qed jgħidu hija assulutament, assulutament mhu minnu xejn, dejjem iltqajna magħhom, dejjem iddeċidejna magħhom, dejjem argumentajna”

Net News saqsa mill-ġdid lill-Ministru tas-Sajd meta se jiltaqa’ magħhom b’Anton Refalo jgħid li ltaqa’ magħhom l-ġimgħa l-oħra u mill-ġdid prova jgiddeb lill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd.

Il-Koperattiva qalet ukoll li l-Ministru mhux intiż fuq is-settur tas-sajd u qed jieħu pariri żbaljati iżda meta saqsejna lil Anton Refalo min qed itih il-pariri, hu baqa’ weġibx.

L-istess Koperattiva qed tgħid li l-Ministeru qed jirreaġixxi għall-kumplessitajiet ta’ din l-industrija fl-aħħar mumenti u li qed l-Ministeru iktar qed jagħti każ lill-Koperattiva oħra, l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd.

Il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd qed tikkontesta l-fatt li l-kwoti għas-sajd tat-tonn li ħarġu għall-ewwel darba għas-sajjieda ta’ bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru, iridu jerġgħu jiġu mġedda.

Huma qalu li ħafna minn dawn is-sajjieda investew fil-bastimenti u t-tagħmir tas-sajd u issa hemm minnhom li qed jirriskjaw li jispiċċaw b’xejn jekk uħud minnhom ma tiġġeddidilhomx il-liċenzja.