Lokali Parlament

Il-PL tilef il-qalb soċjali

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius sostna fil-parlament li l-PL tilef il-qalb soċjali.

Fil-parlament David Agius espriema solidarjetà mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana, mal-familja ta’ Ramiro Mallia u mal-familja ta’ Charles Attard li miet f’Għawdex. Il-PN talab dibattitu dwar il-każ ta’ Miriam Pace li mietet f’Santa Venera iżda l-Gvern irrifjuta dan id-dibattitu.

Hu sellem lill-ex Ministru għal Għawdex Giovanna Debono li kellha r-raġel taħgha liberat mill-akkużi u sostna li anki f’dan il-każ is-sewwa rebaħ. Il-Maġistrat ċanfar lill-pulizija u qal li Toni Debono qatt ma kellu jitressaq.

David Agius qal li anki l-Ispeaker preżenti għadda minn diffikultajiet għaliex ma ħalliex ċertu affarijiet isiru fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Hu pparaguna dan mal-akkużi serji u gravi ta’ korruzzjoni, xhieda falza u ħasil ta’ flus fl-konfront ta’ Keith Schembri.

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius qal li jrid ikun investigat ir-rabtiet li jista’ jkun hemm fl-akkużi ta’ firem foloz fl-inkjesta Egrant. Hu kompla li hemm min irid jaħbi kollox għall-gwadann personali tagħhom; s’issa l-ebda deputat Laburista għadu ma ppropona xi soluzzjoni quddiem din is-sitwazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ x-xhieda li timplika ex ministru fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rapporti ta’ ministru li hu involut fi kriminalità. Hu staqsa għaliex il-ministri Laburisti mhux jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom quddiem dawn ir-rapporti serji.

David Agius kkritika l-kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic mill-Ministru tal-Edukazzjoni u l-eluf li ħadet Sai Mizzi bħala konsulenza. Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet u tant oħrajn, il-PN irid ġustizzja, sostna David Agius, li appella biex id-deputat Laburisti ma jkunx kompliċi u jitkellemu.

Mhux ir-rapport tal-Moneyval biss hemm quddiemna iżda hemm il-fuur tal-pajjiż u tal-familji Maltin, sostna David Agius, li żied li deputat Labusita ħadet ukoll flus mingħand Yorgen Fenech.

Hu semma’ wkoll lill-ex Segretarju Ġenerali Jimmy Magro li wkoll jinsab akkużat b’korruzzjoni. Flimkien ma’ dan hemm ukoll il-korruzzjoni tal-isptarijiet; quddiem dan kollu l-gvern Laburista mhux iwettaq il-wiegħdi għamel fosthom dik dwar l-anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-PN diġà qed jippubblika l-proposti tiegħu f’diversi setturi fosthom l-enerġija u sehem il-mara fis-soċjetà, qal David Agius, li spjega kif il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kkonkludiet li, fil-każ tal-power station fi żmien gvern Nazzjonalista, imkien ma jissemma’ politiku u li m’hemm ebda prova li xi ħadd xtara xi politiku.

David Agius qal li fil-pajjiż hawn problemi soċjali kbar għaliex il-PL tilef il-qalb soċjali tiegħu. Hu sostna li anki fis-settur ambjentali l-gvern m’għandux impenn u appella biex ma jsirx sfreġju ambjentali fl-Imsida kif sar bis-Central Link u qed isir f’Ħad Dingli.