Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali, llum illiberat lir-raġel tal-eks Ministru tal-Partit Nazzjonalista Giovanna Debono mill-akkużi kollha li saru fil-konfront tiegħu numru ta’ snin ilu.
Din is–sentenza twaqqa’ l-istejjer kollha li kien imbotta l-Partit Laburista biex jipprova jħammeġ u jkisser il-persuna tal-eks Ministru Giovanna Debono, tar-ragel u l-familja tagħha. Minbarra hekk fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat ċanfar lill-Pulizija li setgħet investigat il-każ aħjar biex is-Sur Debono, li għalih kien qed jidher l-avukat Joe Giglio, jevita milli qatt kellu
jiġi mressaq il-Qorti.
Minkejja t-tentattivi partiġġjani tal-Partit Laburista, l-ebda politiku tal-Partit Nazzjonalista m’ghandu dell ta’ korruzzjoni. U dan bil-kontra ta’ esponenti Laburisti fejn ma’ kull ġurnata li tgħaddi ħerġin aħbarijiet li qed ikomplu jitfgħu dell, issa anki kriminali, fuq il-Gvern Laburista u jixxukkjaw lil kulħadd. Huwa bla preċedent li għandna akkużi daqsekk serji fuq tal-anqas ministru attwali fil-Kabinett ta’ Robert Abela u tal-anqas eks ministru li qed jiġu implikati b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u f’attentat ta’ serq serju.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti u jinnota li dawn l-akkużi kienu biss konġetturi li ħallew biss snin ta’ tbatija inutli għall-familja Debono wara li spiċċaw il-Qorti intortament sempliċiment għaliex taw servizz politiku denju għal snin twal.
Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi, speċjalment dawk il-persuni li jkunu taw servizz lill-poplu. Illum is-sewwa rebaħ u bdiet issir ġustizzja ma’ din il-familja.
//= $special ?>