Lokali Parlament

DALWAQT: Diskors mistenni mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Illejla fil-Parlament għall-ħabta tas-5.45pm se jsir diskors mistenni mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Dan id-diskors se jixxandar live fuq NET Television, NET FM u fuq il-paġni tal-facebook.

Dan wara li f’laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li sejjaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni kien deċiż li d-Deputati kollha l-Partit Nazzjonalista se jużaw il-ħin tagħhom fil-Parlament sabiex jenfasizzaw u jispjegaw il-gravità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż wara dak li seħħ fil-Qorti s-Sibt li għadda, u fid-dawl ta’ diversi żviluppi li qegħdin jiżvolġu.

Il-Ħadd li għadda, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kkundanna lill-Partit Laburista u l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela u Joseph Muscat għall-ħsara kbira li għamlu u għadhom qed jagħmlu lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u esprima t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħsara li saret lill-pilastri ekonomiċi ta’ pajjiżna bir-riżultat li eluf ta’ impjiegi tpoġġew f’riskju kbir.

Il-Grupp Parlamentari kkonferma li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbużi ta’ poter se jibqgħu fuq nett tal-aġenda u l-ħidma politika tal-Partit Nazzjonalista u appella lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba biex jibqgħu sodi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.