Għawdex Lokali Qorti

Ir-raġel ta’ Giovanna Debono liberat minn kull akkuża

Wara sensiela ta' attakki partiġġjani mill-media Laburista

Ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono ġie liberat mill-akkużi li saru numru ta’ snin ilu fil-konfront tiegħu – sentenza li twaqqa’ l-istejjer kollha li kien imbotta l-Partit Laburista biex jipprova jkisser lil Giovanna Debono.

Anthony Debono kien tressaq mill-Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, li kien imexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u l-Ispettur, Rennie Stivala, bi 13-il akkuża, fosthom misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Neville Camilleri, ma sabx lir-raġel tal-eks Ministru, Giovanna Debono, ħati tal-akkużi kollha u ċanfar lill-Pulizija li setgħet investigat il-każ aħjar biex Toni Debono, li għalih kien qed jidher l-avukat Joe Giglio, jevita milli qatt kellu jiġi mressaq il-Qorti fuq akkużi serji kriminali.

Dan wara li l-Pulizija kienet tat whistleblower status lil Joseph Cauchi, li għalih kien jidher għalih il-Prim Ministru Robert Abela meta kienu għadu jipprattika ta’ avukat, bil-Qorti tiddikkjara li mhux kull ma xehed il-whistleblower għandu mis-sewwa u għalhekk bl-ebda mod ma setgħet issib lil Toni Debono ħati fuq dak li ngħad mill-whistleblower.

Il-Qorti sabet li x-xogħol ta’ Toni Debono mal-Gvern wettqu bl-istess mod bħalma kien isir dejjem fis-CMU fi żmien Pawlu Lanzon.

Għalhekk, il-Maġistrat sab li l-akkużi kienu biss konġetturi u xejn ibbażat fuq provi konkreti fl-atti, bis-suspetti li wieħed seta’ kellu f’Toni Debono jisfumaw fix-xejn wara li l-Qorti qieset l-evidenza voluminuża miġjuba kontra r-raġel tal-eks Ministru t’Għawdex.

Il-Qorti ċaħħdet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar u sekwestru tal-assi ta’ Toni Debono fid-dawl li lliberatu minn kull akkuża miġjuba kontrih.

F’sentenza ta’ 77 paġna dwar il-każ, il-Maġistrat Neville Camilleri osserva li l-Qorti “tista’ tispekula dwar x’jista ‘jiġri, madankollu dawn ikunu sempliċement konġetturi mhux ibbażati fuq evidenza konkreta.

Is-suspetti li wieħed jista’ jkollu dwar l-akkużat jgħibu għal kollox. wara li jittieħdu in konsiderazzjoni l-atti kollha tal-proċeduri. “Cauchi kien ingħata status ta’ whistleblower wara li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta’ Għawdex talab li l-allegazzjonijiet tiegħu jiġu investigati mill-Pulizija.

Debono ġie eżonorat minn kull akkuża fosthom b’approprjazzjoni ħażina ta’ flejjes pubbliċi billi allegatament wettaq xogħlijiet għal kostitwenti privati ​​bl-użu tal-baġit tat-taqsima tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-Ministeru ta’ Għawdex.

Huwa minn dejjem ċaħad l-akkużi miġjubion kontrioh. Dan il-każ kien wassal għar-riżenja ta’ martu Giovanna Debono mill-PN, għalkemm hija żammet is-siġġu tagħha fil-Kamra tar-Rappreżentanti.