Lokali Parlament

Jeħtieġ bidla biex jinħoloq ambjent politiku sigur fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li quddiem is-sitwazzjoni preżenti, il-pajjiż għandu bżonn ambjent politiku sigur fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu.

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-Oppożizzjoni kienet tkun redikola kieku ġiet il-parlament u ma trattax is-sitwazzjoni gravi li għaddej minnha l-pajjiż. Hu kompla li l-PN mll-ewwel kien qed iwissi lill-gvern dwar il-korruzzjoni u sostna li hu qatt ma kien se jieqaf jagħti ħajr lil-ex Kap tal-PN Simon Busuttil li kien Kap tal-Oppożizzjoni fi żminijiet diffiċli meta l-provi dwar il-korruzzjoni ma kienux għadhom ċari quddiem il-poplu. Simon Busuttil kien attakkat mid-deputati tal-PL li kienu jsostnu li kien qed jivvinta l-istejjer.

Karl Gouder kompla li kien hemm anki deputati tal-PN li dak iż-żmien koll lanqas riedu jemmnu iżda llum hu fatt magħruf li Simon Busuttil kellu raġun. Għandna dmir kbir li jkun assigurat li din is-sitwazzjoni titwaqqaf għaliex il-poplu Malti hu nkwetat ħafna.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-akkużi fil-konfront ta’ nies ogħlja ħafna fil-gvern Laburista huma xokkanti u għandhom effett qawwi u ikrah ħafna fuq il-pajjiż.

Hu sellem lill-ex Ministru għal Għawdex Giovanna Debono u sostna li fil-konfront tagħha saru ħniżrijiet kbar mill-gvern Laburista. Għaddewha minn martirju lil Giovanna Debono iżda llum ħarġet il-verità u r-raġel tagħha kien liberat mill-akkużi kontrih, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Karol Gouder qal li l-gvern kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż u spjega d-diffikultajiet fis-settur finanzjarju minħabba li l-banek barranin m’humiex jafdaw lil Malta. Hu qal li allaħares ir-rapport tal-Moneyval ikun negattiv iżda anki l-fatt li l-pajjiż hu inkwetat dwar dan ir-rapport juri l-istat ħażin li l-pajjiż jinsab fih. Dan kollu minħabba l-korruzzjoni ta’ żmien gvern Laburista.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Daphne Caruana Galizia kienet impenjata abiex toħroġ il-verità u għamlitha l-missjoni tagħha li tinforma lin-nies għaliex kienet tilfet il-fiduċja kollha fl-istituzzjonijiet li wkoll ma kienux qed jaħdmu. Il-pajjiż għandu dmir li jara li ssir ġustizzja għal Daphne, il-familja tagħha u għall-pajjiż kollu. Il-poplu għad għandu prinċipji sodi u qawwija li jrid jara li ssir ġustizzja; il-PN għandu fiduċja fil-poplu.

Hu sellem lis-soċjetà ċivili li wasslu leħinhom quddiem din is-sitwazzjoni u lill-MEPs Roberta Metsola u David Casa għall-impenn tagħhom li jkunu l-vuċi favur is-sewwa. Flimkien ma’ dawn, Karl Gouder irringrazzja lill-media indipendenti għall-ħidma ġurnalistika investigattiva tagħhom.