Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kapaċi jsibha diffiċli biex jikseb biżżejjed siġġijiet fil-Parlament ħalli jifforma koalizzjoni ġdida. Dan meta l-ewwel riżultati mill-elezzjoni ġenerali tat-Tlieta urew li l-grupp ta’ partiti tal-lemin, fosthom il-Partit Likud ta’ Netanyahu, kellu jirbaħ 59 siġġu fil-Knesset (Parlament) li huma tnejn anqas mit-threshold stabbilit.
L-elezzjoni rriservat ukoll sopriża – fejn Partit tal-Għarab bl-isem Raam mistenni jikseb ħames siġġijiet u kapaċi jkollu f’idejh ‘iċ-ċavetta għall-poter’.
Ir-riżultat finali tal-elezzjoni – u l-implikazzjonijiet tiegħu – għandhom jiddeterminaw ir-relazzjonijiet futuri ta’ Iżrael mal-Palestinjani.
Il-Partit Raam ma dikjarax jekk għandux jappoġġja lil Netanyahu ( li ma jistax jitqies bħala ‘alleat naturali’) biex hu ikun jista’ jifforma gvern ta’ koalizzjoni. L-istess partit lanqas ma żvela jekk hux beħsiebu jissieħeb mal-grupp ta’ partiti li ma jridux li Iżrael ikompli jitmexxa minn Netanyahu.
Il-grupp ‘anti-Netanyahu’ mistenni jirbaħ 56 siġġu, iżda filwaqt li l-appoġġ ( potenzjali) ta’ Raam għandu jgħinu biex jifforma maġġoranza fil-Parlament, il-partiti involuti f’din l-entità mhumiex magħqudin u hemm kull probabbiltà li jirrifjutaw li jaħdmu flimkien.
F’każ li l-ebda grupp politiku ma jifforma maġġoranza, Iżrael ikollu jiffaċċja l-ħames elezzjoni ġenerali mill-2019.
Is-sistema elettorali ta’ Iżrael – li hi forma ta’ rappreżentanza proporzjonali – tagħmilha kważi impossibbli biex partit wieħed jirbaħ awtomatikament maġġoranza fil-Parlament.
Skont il-Kummissjoni Elettorali tal-pajjiż, il-Likud ta’ Netanyahu rebaħ mal-25 fil-mija tal-appoġġ (bl-għadd tal-voti mhux konkluż) u bil-Partit Yesh Atid taċ-ċentru – tal-Kap tal-Oppożizzjoni ewlieni, Yair Lapid — ikun it-tieni l-aktar partit li kiseb appoġġ bi 13.9 fil-mija tal-voti. Mistenni, intant, li l-Likud jikseb 30 siġġu fil-Parlament ta’ 120 deputat, bil-Yesh Atid jaċċerta minn sbatax.
Il-Partiti tal-Lhud ultra-Ortodossi – Shas u United Torah Judaism –mistennija jiksbu disa’ u seba’ siġġijiet rispettivament,. Dan meta l-Partit Blu u Abjad ( taċ-ċentru) immexxi mill-Ministru tad-Difiża Benny Gantz għandu jtella tmien deputati; bil-Partit Laburista ( taċ-ċentru-xellug) u l-partiti l-oħra, Yamina u Yisrael Beitenu, għandhom itellgħu seba’ kandidati kull wieħed.
L-Alleanza tal-Partiti Għarab, il-Partit għal Tama Ġdida ta’ Gideon Saar u l-Alleanza Reliġjuża Żijonista (tal-lemin estrem) mistennija jirbħu sitt siġġijiet kull wieħed – bil-Partit Meretz ( tax-xellug) u r-Raam qed jaqsmu għaxar siġġijiet oħra.
Ir-riżultati finali tal-elezzjoni mhumiex se joħorġu qabel tmiem il-ġimgħa – madankollu jidher li Netanyahu u r-rivali tiegħu mhumiex se jaċċertaw mill-poter mingħajr l-appoġġ tal-Partiti Yamina u Raam (għal maġġoranza).
Il-Partit Raam kien ħareġ mill-Alleanza tal-Partiti Għarab aktar kmieni din is-sena. Dan seħħ, f’parti, għaliex il-Kap tiegħu, Mansour Abbas, qal li kien dispost li jaħdem ma’ Netanyahu biex jindirizza l-ħteġiet tal-Iżraeljani Għarab li jagħmlu tajjeb għal xi 20 fil-mija tal-poplu ta’ Iżrael.
Fil-fatt, Abbas, issa, qal li mhu qed jeskludi xejn u kapaċi ‘il quddiem jissieħeb ‘ma kwalunkwe koalizzjoni’. Hu tenna li l-partiti tiegħu ‘mhu fil-but ta’ ħadd’ u lest li jissieħeb f’taħditiet ‘man-naħat kollha’.
//= $special ?>