Lokali Qorti

Raġel illiberat minn attentat ta’ qtil wara li l-vittmi għażlu li ma jixhdux

Christopher Cachia ta’ 38 sena ġie lliberat minn akkużi milli jipprova joqtol mara bi planka tal-injam, minħabba nuqqas ta’ provi. Cachia kien ġie mixli fuq l-inċident li seħħ f’Marzu tal-2018, fis-Siġġiewi u li ħalla lill-mara midruba gravi.

Huwa kien ġie mixli wkoll li attakka raġel ieħor u kiser il-paċi pubblika. F’deċiżjoni tal-Qorti mogħtija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace osservat li l-vittma ma riditx tixhed kontra l-aggressur tagħha, peress li l-argument kien wieħed familjari u s-sitwazzjoni minn dakinhar kienet tjiebet.

Lanqas il-vittma l-oħra ma xtaqet tixhed. Il-Maġistrat għalhekk illiberat lir-raġel minħabba nuqqas ta’ provi. Il-mara kienet spiċċat l-Isptar Mater Dei wara argument jaħraq li żviluppa fid-dar, wara li l-koppja kienu ġew fl-idejn fuq il-kustodja ta’ tifel.

Cachia kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Roderick Agius u kien akkużat b’attentat ta’ qtil, li attakka lil oħt martu, li attakka lil missierhom, u li kiser il-paċi pubblika.

Il-vittma għamlet perjodu rikoverata fl-ITU wara daqqa kbira li qalgħet f’ġenbha bl’injama, u li kienet kkawżat emoraġija interna mill-milsa. Fil-Qorti, l-Ispettur Agius spjega l-fatti kif ġraw u kif l-argument eskala meta t-tifel ma riedx imur ma missieru. Hawn, intervjeniet oħt l-omm, li spiċċat vittma ta’ daqqa kbira.

L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia kienu oġġezzjonaw għax-xiehda tal-Ispettur, u sostnew li l-klijent tagħhom kien biss qed jiddefendi ruħu. “Kien hemm nuqqas ta’ qbil u spiċċa aggredit”, kien tenna l-avukat Debono.

Id-difiża kienet qed tinsisti wkoll li l-akkużi f’dan il-każ huma eżaġerati. L-Ispettur Agius minn naħa tiegħu kien qed jikkontendi li r-raġel ammetta li fl-inċident “tilef rasu”.