Il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet lill-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li l-Unjoni esportat mas-77 miljun doża tal-vaċċini għal kontra l-Covid-19 mill-ewwel jiem ta’ Diċembru ‘il hawn.
L-ammont hu akbar min-numri tat-tilqim li ngħataw s’issa liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea — bl-esportazzjoni tkopri ‘il fuq minn 30 miljun doża li ngħataw lill-pajjiżi bi dħul medju jew baxx, taħt l-iskema globali tal-Covax għad-distribuzzjoni xierqa tal-vaċċin.
Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, bħalissa, qed jieħdu sehem f’summit virtwali fejn spikka d-dibattitu dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tissikka l-kontrolli għall-esportazzjoni tal-vaċċin bil-għan li jiżdiedu l-provvisti tal-vaċċin għall-Istat-membri. Dan meta l-Ewropa tinsab sew fil-morsa tal-coronavirus u l-varjanti tiegħu.
Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, wissa biex il-pajjiżi Ewropej ‘ma jdurux kontra xulxin’ fi żmien ta’ tensjoni kbira dwar il-provvisti tal-vaċċin u meta numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jilmentaw li d-dożi ma tqassmux (fl-Ewropa) b’sistema xierqa. Sassoli qal li ‘is-salvazzjoni tiddependi minn kemm il-pajjiżi jaħdmu flimkien u juru sens ta’ għaqda fiċ-ċirkustanzi.’
Aktar qabel, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel iddefendiet id-deċiżjoni tal-UE dwar ix-xiri tal-vaċċini kontra l-coronavirus bħala proġett konġunt — u minkejja li l-Ewropa qed tbati minn dawmien f’aspetti ta’ distribuzzjoni .
Il-Kanċillier Merkel, waqt li kienet qed tkellem lid-deputati Ġermaniżi, wissiet dwar it-theżżiża kbira għas-suq intern tal-UE, f’sitwazzjoni fejn uħud mill-Istati membri biss ikollhom il-provvisti tal-vaċċin. Iżda numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Awstrija, qed jinsistu għal reviżjoni fil-metodu tad-distribuzzjoni tal-vaċċini għall-Ewropa wara li huma ma rċevewx biżżejjed dożi aktar kmieni fis-sena.
Il-pressjoni qed tiżdied fuq il-mexxejja tal-Ewropa biex isolvu l-problema meta pajjiżi bħar-Renju Unit u Iżrael qed jiksbu aktar suċċessi bil-programmi tat-tilqim rispettivi. Min-naħa tiegħu il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson wissa li kwalunkwe deċiżjoni biex l-Ewropa żżid il-kontrolli għall-vaċċini tkun kontro-produttiva waqt li taffettwa ħażin l-isforzi lejn il-kontroll tal-pandemija.
Fil-preżent, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u Spanja kuljum qed jirrappurtaw ċifri allarmanti ta’ infezzjonijiet ġodda u imwiet.
Dan fost ċifri li juru li fl-Unjoni Ewropea qed jingħataw biss 12.9 dożi tal-vaċċin għal kull 100 ċittadin waqt li fir-Renju Unit hu kalkulat li 44 minn kull 100 ċittadin ngħataw diġà id-doża.
Boris Johnson, sadanittant, qal li l-ħruġ tal-passaporti f’pajjiżu għan-nies li jingħataw il-vaċċin jista’ isir possibbli biss ladarba l-vaċċin ikun offrut lil kulħadd. Dan meta l-Ministri f’Londra qed jirrevedu l-possibbiltà ta’ dokument li permezz tiegħu il-persuna tkun tista’ tippreżenta provi li tlaqqmet kontra l-virus.Għalissa ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet u l-Gvern tar-Renju Unit għandu jirrapporta dwar żviluppi f’din is-sitwazzjoni fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Ftit tal-ħin ilu għadda l-vot fil-House of Commons (Parlament) ta’ Londra biex il-liġijiet ta’ emerġenza għall-coronavirus ikunu estiżi b’sitt xhur oħra. Dan waqt li s-Segretarju tas-Saħħa, Matt Hancock, qal li r-Renju Unit ma jridx jittraskura jew jonqos ‘mill-attenzjoni’ minkejja s-suċċess tal-programmi tat-tilqim.
Żvilupp importanti ieħor kienet id-deċiżjoni tal-Portugall biex timplimenta minn issa liġi li tipprojbixxi l-ivvjaġġar madwar il-pajjiż u li suppost li kellha tkun implimentata waqt il-ġimgħa tal-Għid.
//= $special ?>